Lokali Qorti

Jammetti li weġġa’ pulizija u li seraq teka tal-ostji

Abdallah Mohammed, żagħżugħ ta’ 24 sena miċ-Chad, inżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb li kien ħati li attakka kuntistabbli tal-Pulizija, li wettaq ħsarat fuq għadd ta’ karozzi u li seraq minnhom.

Hu kien akkużat fost li żamm għandu affarijiet misruqa li kienu jinkludu teka tal-ostji u mobiles, li akkatta u hedded lill-kuntistabbli u li rreżista l-arrest bi vjolenza.

Il-każ seħħ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, meta l-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun kienet ġiet infurmata li hemm raġel suspettuż idur mal-karozzi pparkjati u li kien qiegħed jipprova jisgasshom. Hu ntlemaħ mill-Pulizija iktar tard fi Triq Mile End iżda ħarab jiġri minn fuq il-post.

Il-Pulizija ġrew warajh, u waqt l-arrest ir-raġel ma bediex jikkopera u kien vjolenti tant li kkawża l-ġrieħi lill-kuntistabbli, li ġie ċċertifikat li kellu kellu ġrieħi ħfief.

Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Andy Rotin appellat għal piena ta’ priġunerija filwaqt li d-Difiża sostniet li l-valur tal-affarijiet misruqa kien inqas minn €250.

Il-kawża quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima ġiet diferita għal Settembru, meta se tingħata s-sentenza.

Iż-żagħżugħ se jkun qed jinżamm arrestat.