Osema Elnaib ta’ 25 u Josef Bonnici ta’ 38 sena, it-tnejn minn Birkirkara ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li fil-Qorti qalu li ma kienux ħatja li ħebbu u weġġgħu lil Darren Sawyer waqt ġlieda li nqalgħet lejliet il-festa ta’ Santa Marija f’każin f’Birkirkara. Din il-ġlieda allegatament bdiet fit-toilets tal-każin.
Fil-Qorti ntqal li Sawyer flimkien ma’ persuni oħrajn marru lejn it-toilets tal-każin meta allegatament wieħed mill-persuni li kienu fil-kamra imbotta lil Osema Elnaib, meta dan ried li juża t-toilet. Intqal ukoll li Elnaib allegatament ikkonfronta lil wieħed mill-irġiel, bl-argument kompla barra dan il-każin.
Darren Sawyer kien spiċċa b’feriti fuq rasu. Il-Prosekuzzjoni, li kienet immexxija mill-Ispettur Ritianne Gauci, oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest għaż-żewġt irġiel li saret mid-Difiża. Dan għaliex minħabba biża’ ta’ tbagħbis tal-provi, meta skont il-Prosekuzzjoni kien għad fadal persuni li għadhom iridu jixhdu dwar dan il-każ.
Il-Qorti li kienet preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ddeċidiet favur il-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000 kull wieħed. Imponiet ukoll li l-irġiel ma jistgħux jersqu lejn il-festa ta’ Birkirkara filwaqt li ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma.
Il-Maġistrat wissiet li jekk l-irġiel jiksru dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jeħlu multa ta’ €7,000 jew priġunerija jew it-tnejn li huma.
//= $special ?>