Futbol Sport

Juventus jibdew b’rebħa konvinċenti fuq Sassuolo

Allianz Stadium
Juventus 3-0 Sassuolo

B’Angel di Maria u Dusan Vlahovic protagonisti, ebda problema għal Juventus li fetħu l-istaġun b’rebħa komda kontra avversarju li fil-passat riċenti kien wieħed pjuttost skabruż.

Minkejja li fl-ewwel fażi tal-partita Juventus kellhom aktar pussess, kien biss fis-26 minuta li fetħu l-iskor. Minn azzjoni ta’ Alex Sandro kien ANGEL DI MARIA li għeleb lil Andrea Consigli. B’Sassuolo jwettqu reazzjoni sterili, fil-41 minuta foul ta’ Gian Marco Ferrari fuq Vlahovic, ir-referee Antonio Rapuanno kkonsulta l-VAR u ta il-penalty biex mill-11-il metru kien l-istess DUSAN VLAHOVIC li għeleb lil Consigli. 2-0 fi tmiem l-ewwel taqsima.

Juventus baqgħu fuq l-offensiva tant li fil-51 minuta kien mill-ġdid VLAHOVIC li minn azzjoni ta’ Di Maria għeleb lil Consigli għat-tielet darba u għalaq il-partita.