Ħabta bejn żewġ muturi sarfet biex wieħed mis-sewwieqa qed isofri ġrieħi gravi.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.15pm fi Triq il-Kapuċċini, ir-Rabat, Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn żewġ muturi tat-tip Piaggio Vespa GTS u Honda Hornet 600, bil-konsegwenza li wieħed minnhom waqa’. Is-sewwieq tal-Piaggio, raġel 34 sena residenti ż-Żebbuġ Għawdex sofra xi ġrieħi wara li waqa’, filwaqt li x-xufier l-ieħor, Taljan ta’ 54 sena residenti r-Rabat Għawdex, ma weġġax.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>