Lokali

Titħabbar il-mewt ta’ Monsinjur Philip Calleja

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Monsinjur Philip Calleja. Huwa kellu 93 sena. Mons Calleja tilef ħajtu matul il-lejl li għadda fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara.

Huwa jibqa’ mfakkar għall-ħidma kbira li għamel fost l-emigranti u r-refuġjati.

Mons Philip Calleja twieled fit-8 ta’ Diċembru tal-1928 u ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu tal-1953. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet mat-tfal Beltin. Imbagħad fl-1956, l-Arċisqof Mikiel Gonzi ħatru Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet, tal-Kurja tal-Arċisqof. Huwa kien Arċidjaknu tal-Kapitlu Metropolitan u sal-aħħar baqa’ jattendi regolarment f’Dar l-Emigrant biex jaqdi lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna tiegħu.

Fis-sena 2018 huwa ngħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-ħidma u l-appoġġ tiegħu lejn id-Dar tas-Siġġiewi.

Kienu bosta dawk li sellmu lil Mon Philip Calleja fosthom il-Kummissjoni Imigranti fejn f’post fuq il-media soċjali irringrazzjatu tal-ħidma kbira li għamel.