Futbol Sport

Benjamin Mendy iwieġeb mhux ħati ta’ stupru fost akkużi oħra

(Ritratt: EPA)

Fl-Ingilterra kompla l-ġuri fil-konfront tal-plejer ta’ Manchester City u tat-tim Nazzjonali ta’ Franza Benjamin Mendy, li għaddej ġuri għal stupru ,attakk sesswali u li sawwat nisa vulnerabbli u baqa’ kalm għar-reati li wettaq. Mendy, ta’ 28 sena, jinsab għaddejja ġuri f’Chester Crown Court fil-Majjistral tal-Ingilterra, u qed jiffaċċja tmien akkużi ta’ stupru, akkuża waħda ta’ attakk sesswali u akkuża ta’ attentat ta’ stupru, relatati ma’ seba’ nisa żgħażagħ.

L-istilla tal-Premier League wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha fi proċess twil li mistenni jdum 15-il ġimgħa. Il-ġuri beda l-ġimgħa li għaddiet u l-prosekuzzjoni bdiet l-argumenti tal-ftuħ jumejn ilu. Il-Prosekutur Timothy Cray qal lill-qorti li Mendy u l-ko-akkużat tiegħu, Louis Saha Matturie, kienu dejjem lesti li jwettqu reati sesswali serji hekk kif kienu jsegwu n-nisa. Cray allega li Mendy ġab ruħu b’ indifferenza fil-konfront ta’ nisa li kienu vulnerabbli, jibżgħu, iżolati. Ix-xogħol ta’ sieħbu Matturie kien li jsib nisa żgħażagħ u li joħloq sitwazzjonijiet fejn dawk in-nisa żgħażagħ jistgħu jiġu stuprati u attakkati sesswalment .

Jingħad li l-allegati reati miż-żewġt irġiel seħħew bejn Lulju tal-2012 u Awwissu tas-sena li għaddiet, b’Mendy akkużat b’sensiela ta’ reati sesswali li bdew f’Ottubru tal-2018. Mendy ingħaqad maċ-champions tal-Premier League Manchester City mit-tim Franċiż ta’ Monaco fl-2017. Huwa lagħab 75 darba ma’ Manchester City .