Sport Waterpolo

Dopjetta meritata għal Marsaskala fl-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Catriel Farrugia)
Jirbħu t-tieni finali kontra Valletta

Rapport: Stewart Said

VALLETTA IZIBET…………………… 5

M’SKALA FISH AND FISH…………. 9

(1-4), (3-2), (1-3), (1-0)

Marsaskala Fish and Fish ikkonfermaw dak li urew matul is-sajf u serrħu rashom mir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni. Fit-tieni finali reġgħu kienu superjuri għal Valletta u b’hekk m’hemmx bżonn it-tielet finali. B’hekk huma rebħu l-unuri kollha tad-diviżjoni, jiġifieri l-Kampjonat tax-Xitwa, in-knock-out u l-kampjonat fis-sajf.

Għal Valletta dan kien tmiem ta’ staġun diżappuntanti hekk kif ma kisbux post fil-Kampjonat Premier u spiċċaw mingħajr unur wara li għal diversi partiti dehru li setgħu jiksbu unur.

Bħalma ġara fl-ewwel finali, Marsaskala fetħu l-aħjar u sa tmiem l-ewwel sessjoni kienu diġà bnew vantaġġ ta’ 4-1, b’Zachary Micallef kien naqqas id-distakk parzjalment għal 3-1. Il-vantaġġ tal-Iskalin saħansitra kiber għal 6-1 fl-ewwel mumenti tat-tieni sessjoni iżda minn hemm bdiet ir-reazzjoni ta’ Valletta li sa tmiem is-sessjoni qatgħu d-distakk għal 6-4.

Daniel Paolella saħansitra naqqas id-distakk għal gowl fit-tielet sessjoni iżda dan il-gowl qajjem lil Marsaskala li reġgħu bnew vantaġġ komdu u għamilha diffiċli għall-avversarji biex jirkupraw. Tant hu hekk li fl-aħħar sessjoni Valletta skorjaw biss permezz ta’ Matthew Pace.

Fi tmiem il-logħba, Jean Claude Cutajar u Jurgen Micallef għollew it-trofew fost il-ferħ ta’ sħabhom u t-tmexxija tal-klabb fil-preżenza ta’ Joe Agius mill-BOV u l-President tal-ASA Joe Caruana Curran.

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia, M. Pace (1), T. Said, S. Busuttil, Z. Micallef (2), D. Paolella (2), M. Mifsud, S. Micallef, A. Agius, K. Galea, K. Cremona (1), A. Bugeja, O. Zammit, R. Attard

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, P. Privitera, R. Greco, G. Galea, K. Navarro (1), M. Manara (1), D. Pace Lupi (3), G. Sammut (1), J. Ciantar (2), M. Carani (1), A. Muscat

Referees: Alessio Nicolai, Neville Mercieca