Lokali

Il-GWU tgħid li mhu se taċċetta l-ebda tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA

Tgħid li se jinbidel il-mekkaniżmu jinqala' inkwiet industrijali kullimkien

Il-GWU mhu se taċċetta l-ebda tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA

Stqarrija li tasal wara li 24 siegħa qabel il-Malta Chamber tkellmet dwar il-korrezzjoni għall-għoli tal-ħajja, u kif u meta din għandha tingħata.

Il-President taċ-Chamber Marisa Xuereb qalet l-COLA għandha tingħata sħiħa lil min ma ħa l-ebda żieda matul is-sena, imma min ħa xi żidiet għandu jieħu biss parti miż-żieda filfwaqt li min ħa żieda aktar milli se tkun il-COLA ma jieħu xejn għax diġà ġie kopert.

Xuereb qalet li b’dan il-mod ikun qed jitnaqqas l-effett inflazzjonarju akbar li  jkun hemm jekk jiżdiedu l-pagi ta’ kulħadd bl-istess mod.

Il-GWU fl-istqarrija tagħha qalet li l-ftehim tal-COLA kien maqbul bejn l-imsieħba soċjali kollha 32 sena ilu u li jekk dan jinbidel…kif qed jiġi propost minn min iħaddem …ikun qed isir ksur tal-liġi.

Il-Union kompliet tgħid li dan il-mekkaniżmu maqbul għen biex stabbilizza r-relazzjonijiet industrijali, filwaqt li sostniet li jekk immorru lura se jinħoloq “inkwiet industrijali ma’ kullimkien”.

Id-diskussjonijiet biex isir tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA ilhom għaddejjin is-snin… bil-Ministru Clyde Caruana fl-aħħar budget iwiegħed mekkaniżmu ieħor li kellu l-ħsieb li jiskatta meta jkun hemm żieda qawwija fil-prezzijiet.

Mhux magħruf jekk dan il-mekkaniżmu ġdid ġiex diskuss mal-imsieħba soċjali fl-aħħar 10 xhur u jekk iva, kif se jaħdem u min se jkun qed jibbenefika minnu.