Budget 2023 Ekonomija Lokali

Il-membri tal-Gvern ma jweġbux dwar l-għoli tal-ħajja

Filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin, u b’mod speċjali l-anzjani, qed iħossu dejjem aktar il-qarsa fil-but minħabba l-prezzijiet dejjem jgħolew, fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Ministru Julia Farrugia Portelli ftit tal-ġimgħat ilu bagħtet lin-nies jixtru minn postijiet differenti biex iġebbdu l-paga jew il-pensjoni. 

Illum, ftit tal-ġimgħat biss ‘il bogħod mill-Budget, fejn mistennija tingħata żieda ta’ mill-anqas €10, il-Ministru nnifisha mhux lesti tikkommetti ruħha li din iż-żieda se tkun biżżejjed.

Mistoqsija jekk hix kunfidenti li din iż-żieda tkun biżżejjed biex il-konsumatur ma joqgħodx jiġri minn post għall-ieħor biex jixtri bl-irħas prezzijiet, kif kienet issuġġeriet hi stess, il-Ministru wieġbet li hi persważa li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla.

Intant, ftit tal-minuti qabel f’attivita separata, Net News staqsa lill-Ministru Owen Bonnici kif din iz-zieda se ssolvi l-problemi, bil-Ministru jwieġeb biss li din iż-żieda tinħadem fuq mekkaniżmu u li l-Gvern se jibqa’ jgħin lill-familji.

Prattikament l-istess diska li daqqet is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli li ma’ Net News dehret skomda immens twieġeb mistoqsija daqstant sempliċi tant li żeffnet fin-nofs anke l-Covid.