Lokali

Il-PN jistieden lill-Ministru Owen Bonnici biex iwieġeb dwar kif qed titmexxa Heritage Malta

Palazzo Vilhena fl-Imdina, li jaqa’ taħt Heritage Malta, riċentament beda jintuża’ mill-privat bi ftehim misterjuż mal-istess aġenzija bħala ristorant. Skont il-PN, dan kollu sar bil-ħabi, u ħadd ma jaf kif sar dan il-ftehim.

Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra qalet illi dan ifisser li Heritage Malta, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Owen Bonnici, qed tuża’ l-wirt nazzjonali tagħna għal skopijiet kummerċjali li jmorru lil hinn mill-obbligi tagħha, li tippromwovi u tippreserva dan l-istess wirt. U aktar minn hekk mingħajr proċess trasparenti. U għall-Partit Nazzjonalista dan mhux aċċettabli.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi wkoll lill-Ministru x’inhu jagħmel dwar in-nuqqas ta’ Kuraturi f’Heritage Malta u għaliex mhux biss mhux qed jinvesti fihom, iżda saħansitra l-Gvern qed jipprova jwarrabhom.

Għall-Partit Nazzjonalista hu tat-tħassib kif, filwaqt li l-interess tal-Kuratur hu li jippreserva s-siti storiċi tagħna, l-għan tal-Gvern hu biss minfejn se jdaħħal il-flus u mhux li jara verament x’inhuma l-prijoritajiet tal-patrimonju nazzjonali.