Internazzjonali

Ingilterra: Evakazzjonijiet fost nirien fil-qalba ta’ Londra

L-iskwadri għall-emerġenza f’Londra fl-aħħar sigħat kienu qed jikkumbattu ma’ nirien li qabdu fiz-zona ta’ London Bridge u meta numru sinifikanti ta’ residenti u passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku spiċċaw evakwati mill-inħawi bejn  il-famuż pont u Waterloo East Station.

Iz-zona partikulari nħakmet mid-dħaħen waqt li l-passiġġieri kienu qed jitmexxew ‘il hinn mill-ferroviji u waqt li waslu fuq il-post is-servizzi għall-emerġenzi. Uħud mill-passiġġieri ġibdu l-filmati tas-sitwazzjoni fost rapporti li n-nirien kienu qabdu f’sit għall-parkeġġ fil-qalba tal-kapitali – u b’rapporti oħra jirreferu għal nirien taħt il-binarji tal-ferrovija qrib ta’ London Bridge.

Kien hemm ukoll osservaturi li lmentaw għall-fatt li s-servizzi għall-emerġenzi ma rreaġewx malajr biżżejjed għas-sitwazzjoni, bl-iskedi tal-ferroviji jaqgħu lura minħabba ċ-ċirkustanzi. Intant, ir-rotta għall-ferroviji bejn id-distrett ta’ London Bridge u WaterlooEast baqgħet magħluqa għal żmien minħabba l-periklu.

F’din is-sitwazzjoni, il-ferroviji spiċċaw ittrasferiti lejn rotot u terminals oħrajn f’Londra, bit-traffiku jispiċċa wieqaf anki f’lokalitajiet oħrajn tal-kapitali.

Fl-aħħar sigħat, għexieren ta’ membri tal-iskwadri għall-emerġenzi u talanqas għaxar fire-engines kienu involuti fl-isforzi biex in-nirien ikunu kontrollati – b’din il-ħidma tikkonċentra fuq is-sistema tal-ferrovija ta’ Union Street, f’Southwark.

Dan waqt li n-nirien baqgħu jipproduċu d-dħaħen kbar u bir-residenti tal-inħawi jkunu avżati biex iħallu t-twieqi u l-bibien magħluqin. Fl-istess ħin, wieġbu għall-emerġenza diversi fire crews minn Dowgate, Whitechapel, Shoreditch, Shadwell u d-diversi Fire Stations tal-madwar.

L-awtoritajiet ta’ Londra anki ħadu ħsieb l-evakwazzjonijiet tar-residenti mill-bini ta’ dik iz-zona u meta l-kawża tan-nirien – li dehru qed jinġiebu taħt kontroll — baqgħet mhix magħrufa.