Futbol Sport

”Irridu nuru lil kulħadd li mhix sorpriża li wasalna s’hawn” – Branko Nisevic (kowċ ta’ Ħamrun Spartans)

(Ritratt: Joseph Galea)

L-Erbgħa filgħaxija f’Belgrad, is-Serbja il-kowċ ta’ Ħamrun Spartans Branko Nisevic u l-midfieler Internazzjonali Malti Juan Corbalan ħadu sehem f’konferenza tal-aħbarijiet lejliet il-partita mir-rawnd tal-play-offs tal-Europa Conference league bejn FK Partizan u Ħamrun Saprtans.

Il-kowċ ta’ Ħamrun sostna li kulħadd jaf li FK Partizan m’humiex għaddejin mill-aqwa forma tagħhom fil-mument, għandom kowċ ġdid u huwa diffiċli li mill-ewwel jagħmel bidla kbira fit-tim. Għalhekk, fi kliem Nisevic, Ħamrun qed jistennew l-istess mentalità mill-avversarji forsi b’aktar motivazzjoni minn naħa tal-plejers. Mistoqsi dwar kif l-iskwadra se jirnexxielha tilgħab fl-atmosfera kif jafu jgħamlu s-Serbi, il-kowċ ta’ Ħamrun Spartans qal li onestament qabel il-partita fil-Bulgarija kien daqxejn xettiku fuq din il-ħaġa imma malli ra l-plejers fil-warming up qabel il-logħba mill-ewwel jinduna li dan il-fattur mhux se jinkwethom kif fil-fatt irrifletta tul il-kors tal-partita kollha.

Dwar l-avversarji Nisevic qal li wara li hu u sħabu għamlu l-analiżi jaħseb li individwalment Partizan huma aħjar minn Levski iżda kollettivament s’issa s-Serbi ma’ urewx l-istess abiltà u għalhekk jaħseb li l-kowċ il-ġdid Gordan Pertic għandu daqxejn x’jgħamel minn dak l-aspett. Bħala l-akar plejers perikolużi fost oħrajn Nisevic semma lill-attakkant mill-Cape Verde Ricardo Gomes u lil captain Serb Slobodan Urosevic li huwa difensur laterali li kapaċi wkoll jattakka minn mal-linja. Fl-aħħar nett Nisevic qal li Ħamrun jinsabu motivati biex juru lil kulħadd li mhix sorpriża li waslu s’hawn.

Mistoqsi jekk hux sorpriż li l-Ispartans waslu s’hawn, il-midfielder ta’ Ħamrun Juan Corbalan qal li sa ċertu punt m’huwiex sorpriż għax jaf kemm it-tim ħadem biex jilħaq dan l-għan. Huwa kompla jgħid li dan kien frott taż ħidma kollettiva mhux biss mill-plejers iżda wkoll mill-istaff tekniku u minn dawk kollha li jifformaw parti mill-klabb ta’ Ħamrun.

Wara l-konferneza Ħamrun Spartans kellhom sessjoni ta’ taħriġ fi Stadion Partizana fejn il-Ħamis fid-21:00 se jkunu qed jisfidaw lil FK Partizan.

L-iskwarda ta’ Ħamrun Spartans titħarreġ fi Stadion Partizana fejn għada se tkun qed tisfida lil FK Partizan (Ritratt: Joseph Galea)