Lokali

L-aħħar tislima lil Chris Degabriele; “ħajtu nħasdet minħabba negliġenza ta’ ħaddieħor”

Christian kien ċittadin Malti li għażel li jaqla’ l-għixien tiegħu billi joffri ħajtu b’servizz lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Sostna dan il-Kappillan tal-Forzi Armati ta’ Malta, Dun Joe Meli, meta filghodu inghatat l-aħħar tislima lil Christian Degabriele; il-missier ta’ 35 sena li tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jogħdos fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar fil-11 ta’ Awwissu li ghadda.

Bosta qraba u ħbieb ta’ Christian ħonqu l-Knisja ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun sabiex jagħtuh l-aħħar tislima…bit-tebut jiddaħħal mill-kollegi tiegħu fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, mis-sezzjoni Marittima tal-istess armata.

Matul l-omelija l-kanonku Dun Ġorġ Spiteri sostna li filwaqt li dan huwa mument verament iebes għal min kien l-aktar viċin Christian, fakkar li għandna niftakru fil-memorji sbieħ li ħalla u l-altruwiżmu tiegħu.

Huwa insista li kien jafu sew huwa stess, fejn iddeskrivieh bħala ħabib kbir tal-familja, u saħansitra kien iqisu minn ta’ ġewwa.

Dun Ġorġ Spiteri qal li dan is-suldat kien bniedem li dejjem lest sabiex jgħin lil ħaddieħor, b’kompassjoni u faraġ. Iżda…kompla Dun Ġorġ, ħajtu nħatfet minn nies egoisti li wara li weġġugħ ħallewh għall-mewt waqt li kien qed igawdi d-delizzju tiegħu.

Iċ-ċelebrant qal li kien dan id-delizzju li sfortunatament ħasadlu ħajtu fuq din l-art minħabba negliġenza ta’ ħaddieħor li baqa’ sejjer.

“Jiddpisjaċini ngħid li f’pajjiżna la sigurtà fuq l-art m’għandna iżda wisq inqas fuq il-baħar. Il-motto tal-Maltin sar ejja ħa mmorru, ma jimpurtanix minn ħaddieħor – l-ewwel jien u l-aħħar jien”.

Bħala saċertdot huwa għamel appell lil kulħadd sabiex jieħu kull prekawzzjoni possibbli. Dan filwaqt li talab lil Christian stess sabiex jaħfer lil min ħasadlu ħajtu.

It-telfa ta’ Degabriele kienet xokk għal bosta…mhux biss għal min kien jafu mill-qrib iżda anke għall-kollegi tiegħu, fejn kulħadd iddeskrivih bħala raġel b’qalb tad-deheb li ħajtu ntemmittlu f’ħakka t’għajn..wara li ħareġ għal għawma bħal ma kien ta’ sikwit jagħmel; iżda sfortunatament din id-darba ma daħalx lura d-dar.