Lokali

L-AirMalta tneħħi l-ħaddiema…u terġa’ timpjega

L-AirMalta qed issir kobba mħabbla waħda sew, b’deċiżjonijiet li ħadd ma jista’ jifhimhom.

Fl-istess waqt li l-Gvern qed jipprova jmexxi jew ineħħi l-ħaddiema tal-AirMalta, l-istess linja Nazzjonali qed toħroġ sejħiet u  timpjega ħaddiema ġodda flok dawk li se jitilqu. U sorsi qalulna li uħud mill-impjegati l-ġodda se jitħallsu saħansitra aktar minn dawk li kienu jagħmlu l-istess xogħol għal għexieren ta’ snin.

Fis-sezzjoni tal-inġinjerija per eżempju, daħlu sitt impjegati oħra. U persuna li tkellem magħna qalilna li wieħed minn dawn l-impjegati l-ġodda kkonfermalu li se jkun qed jieħu miegħu id-dar paga aktar minn dik li għandu hu illum wara snin twal ta’ ħidma.

Esperti fil-qasam tal-avjazzjoni mhux qed jifhmu s-sinnifikat ta’ din il-mossa tal-Gvern, u uħud qed jinterpretawha bħala sinjal ċar tan-nuqqas ta’ ppjanar u mmaniġġjar tal-Air Malta.

“Il-Gvern ħaseb li se jimpjega barranin biex jagħmlu xogħol b’irħis. Imma meta ra li l-pagi kienu qed jitolbu kienu fenomenali, dar fuq il-ħaddiema ta’ kumpaniji oħra bhall-SR Technic u l-Lufthansa Technic”.

Biex tikkoomplika ruħha aktar is-sitwazzjoni… kważi ġimgħa ilu, rapport li deher f’The Shift News żvela diskussjonijiet biex l-AirMalta tiġi xolta – u b’hekk, inħolqot aktar inċertezza għall-ħaddiema.

La l-AirMalta innifisha u wisq inqas il-Gvern ma ċaħdu jew ikkonfermaw dawn ir-rapporti.

Meta ħareġ dan ir-rapport, Net News staqsa lill-General Workers Union għar-reazzjoni u t-tweġiba kienet li filwaqt li mal-Union qatt ma kien sar dat-tip ta’ diskors, il-GWU kienet se titlob laqgħa urġenti mal-Ministru ħalli jkunu ċċarati l-affarijet..

Erġajna kkuntattjajna lis-Segretarju Ġenerali tal-Union Josef Bugeja, ġimgħa wara li tana dak il-kumment, biex naraw x’kien sar minn dik il-laqgħa, u Bugeja qalilna li kien talab laqgħa mal-Ministru dakinhar stess, imma sal-lum għadu qed jistenna appuntament.

U waqt li l-Union u l-ħaddiema tal-AirMalta jibqgħu ma jafux x’inhu jiġri, il-Gvern u t-tmexxija tal-linja tal-ajru baqghu siekta għal kollox dwar id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu rigward il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru.