Lokali

Multa ta’ €10,000 wara li nqabad jistad fl-ibħra Maltin

Il-kaptan tal-bastiment Tuneżin li inqabad jistad b’mod illegali fl-ibħra Maltin kien ikkundannat €10,000.

Il-bastiment, li jismu “Mohamed Chiheb” u li fuqu kien hemm 8 sajjieda oħra, kien spezzjonat wara li trakka f’Xatt il-Barrieri u ttieħed fil-Marsa fejn ġie investigat mill-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija.

It-Tuneżin tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, u wieġeb ħati għall-akkużi miġjubin kontrih mill-Ispettur Elliot Magro.

Mustapha Hancha, li għandu 29 sena, ammetta li stad fl-ibħra Maltin fl-14 ta’ Awwissu li għadda u fil-ġranet ta’ qabel kif ukoll li naqas li jinforma lill-awtoritajiet lokali bil-qabda li għamel.

Hancha kien arrestat waqt spezzjoni li wettqu l-Pulizija, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u l-Forzi Armati ta’ Malta.

L-investigazzjoni kkonkludiet li l-bastiment ma kellux liċenzja biex jintuża għas-sajd fl-ibħra territorjali ta’ Malta u minbarra li l-kaptan kien arrestat, ġew konfsikati l-500 kilogramma ta’ ħut li nstabulu u anke apparat għas-sajd.