Lokali

Sal-lum mhux magħrufa l-identità tar-raġel li nstab bla ħajja f’Birżebbuġa

“Nixtiequ nikkonfermaw min hu ħalli jingħata difna xierqa”

Il-Pulizija ghadhom qed jistennew l-eżitu tat-testijiet forensiċi tad-DNA sabiex wara aktar minn xahar ikun magħruf ta’ min hu l-katavru tar-raġel li fl-14 ta’ Lulju kien instab f’għalqa qrib iż-żona ta’ Għar Dalam, f’Birżebbuġa.

Dan ikkonfermah kelliem għall-Pulizija, illi ma’ Net News spjega li f’dan l-istadju l-Pulizija m’għandhom ebda idea f’liema punt waslu l-investigazzjonijiet forensiċi u li hija biss il-Maġistrat inkwirenti li se tkun qed tagħtihom indkazzjoni tal-eżitu tad-DNA.

Kien l-14 ta’ Lulju meta f’għalqa f’niżla fejn minnha ta’ kuljum jgħaddu għadd ta’ karozzi lejn Birżebbuġa…instab ġisem bla ħajja ta’ raġel fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. Iż-żona mtliet b’uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, esperti forensiċi u media….imbgħad is-skiet totali.

Wara 34 jum għadna s’issa ma nafux ta’ min huwa l-katavru…bil-ġisem ta-raġel għadu qed jinżamm fil-kamra mortwarja…b’familja li għadha qed tistennieh jiġi lura d-dar…jew tal-inqas tixtieq li lill-qarib tagħha ttih difna xierqa.

L-istess kelliem għall-Pulizija spjega madanakollu li f’dan l-istadju jinsab kollox f’idejn l-esperti maħtura mill-Maġistrt tal-Għassa Gabriella Vella.

Dan filwaqt li Net News tkellem ma’ numru ta’ esperti fil-qasam fejn spjegaw li għad-differenza ta’ testing kliniku…biex katavru f’dak l-istat qawwi ta’ dekompożizzjoni jiġi identifikat hemm bżonn li t-test tad-DNA jaqbel ma sample ta’ DNA ieħor.

Madanakollu spjegaw li filwaqt li dan qiegħed jieħu kemmxejn fit-tul, ġie spjegat li l-proċess mhux daqshekk faċli kemm wieħed jimmaġina.

Xahar u nofs ilu l-Pulizija kienet, u għadha sal-lum il-ġurnata, għaddejja bi tfittxija ta’ żewġt anzjani – Karmenu Fino ta’ 82 sena…li għeb wara li ħareġ mir-Residenza San Vinċenz de Paul, u Salvu Bonnici raġel ta’ 70 sena mill-Gudja.