Sport Waterpolo

San Ġiljan juru s-superjorità fi triqthom lejn ir-rebħ tat-12-il kampjonat fl-istorja

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT………….. 12

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…….. 16

(2-3), (4-5), (1-5), (5-3)

Quddiem l-akbar attendenza tal-istaġun, San Ġiljan JP Projects aċċertaw mir-rebħ tat-12-il kampjonat fl-istorja bi stil. Logħba li kellha storja differenti iżda tmiem simili, bil-Ġiljaniżi juru li kollox ma’ kollox kienu l-aħjar tim tul l-istaġun.

Sliema offrew sfida denja tul iż-żewġ konfronti iżda ma kinux preċiżi biżżejjed biex isammru lill-avversarji f’mumenti partikolari. Minkejja dan, wieħed ma jridx jinsa ż-żewġ unuri mirbuħa aktar kmieni din is-sena filwaqt li tul l-2022 urew progress taħt il-kowċ Beto Fernandez.

San Ġiljan ħarġu aggressivi u kisbu vantaġġ tripplu permezz ta’ penalty minn Nikolai Zammit, Darren Zammit mill-qrib u man-up skorjat minn Ben Plumpton. Reazzjoni Slimiża lejn tmiem l-ewwel sessjoni li naqqsu d-distakk għal 3-2 b’gowls ta’ Jayden Cutajar u Liam Galea minn sitwazzjoni ta’ superjorità numerika.

Sliema bdew it-tieni sessjoni bl-aħjar mod u f’dak il-ħin irnexxielhom meritatament idawru r-riżultat, b’Zach Mizzi u John Brownrigg minn man-up jagħmlu l-iskor 6-4. Iżda San Ġiljan kienu għadhom fil-logħba u urew il-kwalità tagħhom biex sa tmiem is-sessjoni qelbu r-riżultat b’erba’ gowls konsekuttivi għal vantaġġ ta’ 8-6.

Cutajar kienu donnu ta tama lis-Slimiżi biex jerġgħu jwettqu rimonta iżda San Ġiljan kellhom ħsibijiet oħra għaliex prattikament aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat fit-tielet sessjoni. Spikka Ben Plumpton bi tripletta flimkien ma’ gowls taż-żgħażagħ Russell Caruana u Jake Bonavia.

Minkejja l-isforzi Slimiżi fl-aħħar sessjoni, San Ġiljan baqgħu jżommu distakk komdu biex mat-tisfira finali, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet mistħoqqa, bil-kulminu jintlaħaq meta l-captain Matthew Zammit ingħata t-trofew u flimkien ma’ Nicholas Bugelli għolla t-trofew fost il-ferħ tal-Ġiljaniżi preżenti.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea (2), D. Rizzo, M. Meli, B. Cachia, J. Cutajar (3), M. Mifsud (1), J. Brownrigg (2), J. Gambin, Z. Mizzi (1), D. Zammit (2), A. Theuma, K. Borg (1)

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (1), N. Schiavone, R. Caruana (1), M. Zammit (1), B. Plumpton (6), D. Tully, J. Bonavia (1), N. Zammit (2), D. Zammit (1), N. Bugelli (2), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Ferò

Referees: Filippo Gomez, Alex de Raffaele