Lokali Qorti

Sirjan mixli li stupra tfajla matul il-lejl fil-Belt Valletta

Sirjan ta’ 20 sena, residenti l-Fgura kien mixli li stupra tfajla Maltija fil-Belt Valletta, hekk kif hija kienet sejra għand il-ħabiba tagħha. L-allegata vittma kellha taqbeż il-baħar u meta waslu fuq il-post il-pulizija sabuha għadha fil-baħar. Minn naħa l-oħra l-akkużat Qasem Saleh kien għadu fuq il-blat fil-viċinanzi ta’ fejn kienet qed tgħum it-tfajla.

L-allegat reat seħħ fis-sigħat bikrin tal-bieraħ it-Tlieta 16 ta’ Awwissu ħdejn Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fl-inħawi ta’ fejn hemm il-qanpiena. Saleh, li jaħdem fil-kostruzzjoni, tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u nżamm arrestat. Huwa mifhum li t-tfajla għamlet xi żmien toħroġ mal-akkużat.

Il-prosekuzzjoni fil-Qorti qalet li kienet il-vittma li ċemplet lill-Pulizija għall-għajnuna. X’ħin waslu fuq il-post il-Pulizija sabu lill-akkużat fuq il-blat u lit-tfajla għadha fil-baħar fi stat ta’ xokk. Minn informazzjoni li għandu NET News il-Pulizija għamlet minn kollox ukoll biex tikkalma lil missier l-allegata għaliex kienet beżgħana li dan flimkien ma’ sieħbu jmur il-Qorti u jikkonfronta lill-akkużat u għaldaqsrant jidher li kien hemm xi forma ta’ kuntatt miegħu.

Il-prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li meta waslet fuq il-post Saleh kien qed jistennieha titla’ fuq l-art. L-avukat tas-Sirjan, Mario Mifsud, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest imma li jinżamm fit-taqsima taż-żgħażagħ, liema talba saret mill-Qorti. Huwa baqa’ miżmum taħt arrest filwaqt li l-Maġistrat ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfrnt tat-tfajla. Huwa tressaq fil-Qorti mill-Ispetturi John Spiteri u Kevin Pulis. L-Avukat Sean Azzopardi assista lill-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.