Internazzjonali

Stati Uniti: Abbozz dwar il-klima, it-taxxa u s-saħħa ffirmat bħala liġi

Il-President Amerikan, Joe Biden, iffirma abbozz intiż biex jirribatti l-bidliet fil-klima u li anki jagħmel tajjeb għall-ispejjeż involuti fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Fl-istess ħin, il-liġi ġdida, li timpenja l-ekwivalenti ta’ 590 biljun ewro għall-imsemmija tragwardi, taħseb ukoll biex iżżid it-taxxa għall-Amerikani sinjuri.

L-abbozz għandu anki javvanza miżuri li jattwaw il-wiegħdiet li ilu jagħmel il-Kungress Amerikan bil-għan li jonqsu l-prezzijiet tal-mediċina għall-poplu.

Madankollu, l-versjoni finali tal-abbozz qed jidher li għandu skop aktar modest mill-pjan oriġinali tal-Partit Demokratiku fil-Gvern li kien qed jaħseb dwar pakkett ekwivalenti għal 3.5 triljun dollaru.

Din il-liġi ġdida dejjem inkwadrat bi prominenza fil-politika ta’ Joe Biden u mistennnija tipprovdilu spinta ġdida qabel l-elezzjoni ta’ nofs il-leġislatura fl-Istati Uniti magħrufa bħala mid-term election. L-Amerikani li se jivvutaw fl-elezzjoni ta’ Novembru għandhom jiddeċiedu jekk id-Demokratiċi ta’ Biden għandhomx iżommu l-kontroll tal-Kungress għal sentejn oħra.

Sadanittant, u waqt li tkellem dwar l-abbozz ġdid u sinifikanti, Biden fisser l-abbozz bħala ‘l-aħħar parti tal-aġenda domestika tiegħu’, Dan meta l-pakkett qed jinvesti l-ekwivalenti ta’ 400 biljun ewro u aktar f’impenji għal kontra l-bidliet fil-klima u li jirriflettu l-aktar investiment sinifikattiv fl-istorja marbut ma’ dan il-qasam fuq livell federali.

Analiżi tax-xjenzati mal-Climate Action Tracker qed tgħid li l-abbozz ġduid għandu jnaqqas il-global warming fil-futur ‘b’mod sinifikanti iżda li jista’ ma jkunx biżżejjed’. Dan meta hemm tamiet li l-emissjoni tal-gassijiet fl-Istati Uniti għandha tonqos b’massimu ta’ 44 fil-mija sas-sena 2030.