Internazzjonali

Stati Uniti: Sarah Palin viċin ħafna ta’ ritorn politiku

Ir-Repubblikana Sarah Palin – li qed tittama li tirritorna fix-xena politika – għandha tikkuntesta l-elezzjoni ta’ Novembru li tiddetermina r-Rappreżentant għall-Istat ta’ Alaska fil-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Washington.

Ir-rivali ta’ Palin huma r-Repubblikan Nick Begich III u Mary Peltola tal-Partit Demokratiku. Ir-raba’ sfidant minn dan l-Istat għadu mhux magħruf għalissa.

Sarah Palin, li għandha 58 sena, kienet saret prominenti fl-2008 bħala kandidat għall-Viċi-Presidenza tal-Istati Uniti. Iżda Palin irtirat mix-xena qabel Donald Trump kien laħaq bħala President Amerikan fl-2016 u llum, l-istess Trump sar l-akbar alleat u sostenitur tagħha.

Din is-sena, l-elezzjonijiet tal-primaries għall-partiti politiċi f’Alaska nbidlu ma’ proċess magħruf bħala open primaries u li jippermetti biex l-erba’ kandidati li jiksbu l-akbar appoġġ javvanzaw għall-elezzjoni deċiżiva ta’ Novembru.

Intant, Sarah Palin qed tikkuntesta wkoll f’elezzjoni speċjali separata bit-tama li sservi minflok ir-Repubblikan Don Young – ir-Rappreżentant ta’ Alaska fil-Kamra tar-Rappreżentanti  li miet f’Marzu wara li kien ilu fil-kariga għal 49 sena. Dan ukoll meta Young kien fadallu biss ħames xhur biex jiskadilu t-terminu.