Lokali

“Il-konsultazzjoni taf twassal għal użu aħjar tal-iscooters” – l-għaqda ROTA

L-iscooters jafu jkunu xi ħaġa tajba, iżda jeħtieġ li ssir konsultazzjoni biex dan il-mezz tat-trasport jintuża b’mod aħjar.

Hekk stqarr ma’ Net News Daniel Vella, il-President tal-għaqda ROTA, meta mistoqsi dwar kemm hu kruċjali li ssir konsultazzjoni biex ikun regolat aħjar l-użu tal-iscooters.

Daniel Vella – il-President ta’ ROTA

Permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika nisperaw li joħorġu punti importanti li minflok iwarbu xi ħaġa li hija ta’ ġid, naraw kif nistgħu ndaħħluha b’mod li kulħadd jista’ jibbenefika minnha.

Fl-aħħar jiem dan l-appell kien sostnut anki mill-PN fejn intqal illi l-iscooters għandhom ikunu siguri, kemm  għal min jużahom u anke għall-bqija tal-poplu.

Daniel Vella insista li f’din id-diskussjoni wieħed għandu jara l-istampa kollha.

L-iscooters huma introduzzjoni kemxejn ġdida, allura qed narawhom l-għadu tagħna, għax huma qed ixekklu min-normi tas-soltu. Però mhux bilfors huma biss il-problema. F’Malta hawn aktar problemi, id-dipendenza fuq il-karozzi biss hija problema oħra. F’pajjiżna jeħtieġ li l-ispazju jintuża b’mod aħjar biex it-toroq ikunu għal kulħadd.

Saqsejna wkoll lill-għaqda ROTA dwar il-ħidma li qed issir min-naħa tagħhom biex f’Malta jkollna trasport sostenibbli u li ma jniġġisx.

Aħna nitkellmu ma’ entitajiet tal-Gvern biex tiddaħħal infrastruttura sigura. L-aktar xogħol importanti huwa li nagħmlu pressjoni biex ikun hemm infrastruttura li tħares lil kulħadd.