Internazzjonali

Afganistan: Għexieren ta’ mejtin u midruba minn splużjoni f’moskea ta’ Kabul

Talanqas 30 persuna tilfu ħajjithom, b’għexieren jisfaw midruba, wara li splużjoni  f’moskea ta’ Kabul ħalliet straġi sħiħa, f’ħin meta kien għaddej it-talb ta’ filgħaxija.

Il-moskea, dak il-ħin, kienet ippakkjata bin-nies u l-ewwel rapporti qalu li l-Imam tal-moskea kien fost l-ewwel vittmi tal-isplużjoni.

Mhux ċar min seta’ wettaq dan l-attakk li kellu jseħħ ġimgħa wara li t-terroristi tal-ISIS f’Kabul kienu qatlu reliġjuż favur it-Taliban permezz ta’ splużjoni suwiċida.

Ir-reazzjoni ta’ wara l-isplużjoni fil-moskea kienet karatterizzata b’kaos assolut u mhux ftit tal-paniku fost in-nies fiz-zona li bdew jibżgħu minn aktar attakki fil-moskea u l-madwar. Dan waqt li l-qawwiet tas-sigurtà ma tilfux iż-żmien biex jagħlqu kull aċċess għas-sit tal-isplużjoni.

Uħud min-nies fl-inħawi qalu, wara, li l-isplużjoni tant kienet qawwija li litteralment ‘beżqet’ lin-nies ‘il barra mit-twieqi tal-moskea, bl-iskwadri ta’ fejda li marru fuq il-post jitrattaw anki lil diversi tfal li spiċċaw mal-midruba.

Mhux eskluż li l-isplużjoni setgħet irriżultat minn attakk suwiċida fil-moskea proprja u li seħħet wara li l-aggressur potenzjali kien daħal fil-bini waqt il-ħin tat-talb u fejn x’aktarx ‘attiva’ bomba li kien qed iġorr fuq persuntu.

Hemm ukoll indikazzjonijiet li l-ISIS – l-akbar avversarju tat-Taliban li qed imexxi l-Afganistan –qiegħed imexxi kampanja qattiela kontra r-reliġjużi Afgani. Dan meta fl-aħħar xahar biss, talanqas tliet kapijiet reliġjużi prominenti spiċċaw il-mira ta’ qattiela fl-inħawi ta’ Kabul  fost rapporti dwar l-assassinju ta’ reliġjużi oħrajn fi bliet oħra tal-Afganistan.