Futbol Sport

FK Partizan b’saħħithom wisq għal Ħamrun Spartans

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

FK PARTIZAN………………….4

ĦAMRUN SPARTANS……1

FK Partizan: A. Popovic, S. Markovic, I. Vujacic, S. Sanicanin, S. Urosevic, L. Fejsa, P. Andrade (N. Jovic 82’), F. Diabate (S. Bazdar 90’), M. Zivkovic, R. Gomes (N. Terzic 90’), Q. Menig (K. Belic 59’)

Ħamrun S.: H. Bonello, R. Camenzuli, S. Borg, E. Marcelina, O. Bjelicic, J. Corbalan (M. Sowe 79’), B. Eder (L. Montebello 73’), R. Prsa, M. Guillaumier, I. Nedelkjovic (E. Mashike 46’), R. Jonny (Dodo 73’)

Imwissija: M. Zivkovic 56’, K. Belic 60’ (P), S. Borg 67’ (Ħ)

Skorjaw: R. Gomes 15’, S. Urosevic 25’, F. Diabate 33’, P. Andrade 77’ (P) M. Guillaumier 52’(Ħ)

Referee: Filip Glova (SVK)

Assistenti Referees: Peter Bednar u Daniel Polacek (SVK)

Ħamrun Spartans sofrew telfa ta’ 4-1 fl-ewwel leg tal-play offs tal-Europa Conference League kontra FK Partizan f’Belgrad meta sa tmiem l-ewwel taqsima kienu diġa sofrew tliet goals mingħajr risposta. Ħamrun mbagħad ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima tant li fit-52 minuta naqqsu d-distakk permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Guillaumier, iżda meta l-Ispartans kienu qed ifittxu l-goal li jdaħħalhom lura fil-partita kienu Partizan li skorjaw ir-raba’ goal tagħhom biex issa hija diffiċli ħafna għal Ħamrun biex jirkupraw dan ir-riżultat f’Ta’ Qali.

Wara ħames minuti logħob Ħamrun fuq l-attakk meta kien Steve Borg li ta ballun tajjeb mal-linja lejn Jonny, bil-Brażiljan jaqta lejn in-nofs u jidħol fil-kaxxa u wara li qabeż difensur bix-xellug ra l-konklużżjoni tiegħu taħbat ma’ difensur u tmur f’korner. Erba’ minuti wara żball tad-difensur Ħamruniż Bjelicic japprofitta minnu Zivkovic li jqassam lejn Menig bil-plejer Olandiż jipprova minn tarf il-kaxxa u Bonello jwettaq save tajjeb sakemm l-azzjoni sfumat fix-xejn. Wara kwarta logħob Partizan fil-vantaġġ. Kien Zivkovic li qassam lejn Menig li minn naħa tiegħu mill-ewwel għadda lejn RICARDO GOMES li avvanza u wara li qabeż lil Bonello tefa’ fix-xibka minkejja t-tentattiv ta’ Marcelina biex itajjar. Partizan jirdupjaw fil-25 minuta meta l-korner ta’ Zivkovic isib lil Igor Vujacic li kompla bir-ras lejn SLOBODAN UROSEVIC li bi prattikament lasta vojta tefa ġewwa. Partizan jagħmluhom tlieta fit-33 minuta minn kontratakk ta’ Menig li avvanza u qaleb il-logħob lejn Andrade li mil-lemin sab lil FOUSSENI DIABATE li minn quddiem Bonello faċilment tefa fix-xibka. Qabel tmiem l-ewwel taqsima Ħamrun ħadu ferħa bla temma meta l-goal ta’ Juan Corbalan kien imħassar mir-referee Filip Glova għal foul dubjuż ta’ Jonny fuq il-goalkeeper Popovic. Tmiem l-ewwel taqsima 3-0 favur FK Partizan.

Henry Bonello jwaqqaf attakk tal-avversarji f’Belgrad (Ritratt ta’ Joseph Galea)

Ħamrun Spartans ħarġu ħafna aħjar fit-tieni taqsima u wara seba’ minuti jattakkaw lill-avversarji kien korner ta’ Jonny fit-52 minuta li sab lil MATTHEW GUILLAUMIER li għola fuq kulħadd u bir-ras għeleb lil Popovic. Ħames minuti wara Guillaumier għal ftit ma’ rduppjax meta minn free kick ta’ Prsa reġa kien in-numru sitta ta’ Ħamrun li għola bir-ras iżda din id-darba sab lil Popovic attent li wettaq save tajjeb qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Sfortunatament Ħamrun sofrew ir-raba’ goal fis-77 minuta meta kien żball tad-difensur Bjelicic li rregala l-ballun lil avversarji u wara li daħal fil-kaxxa PATRICK ANDRADE b’xutt fil-baxx għeleb lil Henry Bonello. Mat-80 minuta logħob is-sostitut Luke Montebello mix-xellug jitfa kross fil-kaxxa u Prsa bir-ras jimpenja lil Popovic iżda dan tal-aħħar ħataf tajjeb. Fl-aħħar ħinijiet Mashike jiżmarka tajjeb lis-sostitut Sowe iżda dan tal-aħħar dam jaħsibha wisq u laħaq ingħalaq biex l-azzjoni ntemmet bi throw in favur Partizan. L-iskor baqa ma’ nbidilx u Partizan ma’ ddiżappuntawx quddiem il-partitarji tagħhom.