Lokali

F’seba’ snin il-qassisin ġodda naqsu bin-nofs

In-numru ta’ saċerdoti fl-aħħar seba’ snin naqas bin-nofs…u din is-sena se jkun hemm biss persuna waħda li se tidħol is-Seminarju.

“Bħala djoċesi għandna ordinazzjonijiet kull sena ta’ żgħażagħ li jiġu ordnati saċerdoti għas-servizz tal-poplu ta’ Alla u dak huwa don sabiħ ħafna, pero min-naħa l-oħra nara iva tnaqqis. Kemm saru saċerdoti f’dawn l-aħħar seba’ snin kellek 22 saċerdot… bħalissa fis-seminarju għas-seba’ snin li ġejin għandna 12.”

Net News żar is-Seminarju fir-Rabat fejn hemmhekk iltqajna mar-Rettur Dun Jimmy Bonnici.

Staqsejnih, x’inhi, fl-opinjoni tiegħu, ir-raġuni għala ż-żgħażagħ mhux qed jersqu sabiex jibdew dan il-vjaġġ ta’ seba’ snin fis-seminarju – vjaġġ li eventwalment iwassalhom biex isiru saċerdoti.

“Jista’ jkun hemm l-aspett demokrafiku u jista; jkollok ukoll il-bidla fil-kultura tas-soċjeta. Dan hekk kif qabel f’Malta kienet li wieħed jitwieled kattolku… illum int tkun frott ta’ għażla.”

Huwa enfasizza l-bżonn li jkun hemm ħeġġa ġdida fil-komunjitajiet ta’ pajjiżna dwar kif wieħed għandu jġedded l-impenn għall-ħajja nisranija.

L-Arċisqof għadu kif appunta żewġ saċerdoti biex jagħtu attenzjoni speċjali għal dan il-qasam… sabiex jakkumpanjaw lil dawn li qed ifittxu u għandhom xewqa li jesperjenzaw iktar lil Alla.

F’sitwazzjoni fejn iktar ma jgħaddi ż-żmien qed ikun hawn inqas saċerdoti, staqsejna lir-Rettur jekk jaqbilx li jkun hawn qassisin li jibnu familja u fl-istess ħin jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom ta’ qassis fis-soċjeta.

“Il-knisja qed issaqsi wkoll quddie id-domanda kbira meta għadek komunitajiet bla qassis u bla ewkaristija… hemmekk hemm responsabbilta wkoll allura l-Knisja qed ukoll taffronta din id-domanda.

Bħalissa f’pajjiżna hawn żewġ persuni li huma miżżewġin u fl-istess ħin jaqdu dmirhom ta’ saċerdot…. Wieħed minnhom ġej mill-Knisja Kattolika Griega filwaqt li l-ieħor kien Anglikan u ngħaqad mal-Knisja Kattolika.

U hekk kif matul is-snin, l-attendenza għall-quddies naqset b’mod sostanzjali, wieħed bħal donnu jasal għall-konklużjoni li dan qed iwassal ukoll biex il-persuni jitilfu l-fidi fir-reliġjon… imma dan jaf ma jkunx totalment korrett.

“Hemm riskju li hemm fidi kulturali li ġġib drawwiet li jibqgħu għaddejjin b’mod pożittiv u min-naħa l-oħra jista’ jkun li jkollna distakk kbir bejn dak li ngħixu fil-knisja u d-deċiżjonijiet li nieħdu fil-ħajja. Illum hemm iktar tfittxija fil-ġenerazzjoni żagħżugħa għal iktar awtentiċità.”

Dun Jimmy Bartolo jitfa’ dawl ukoll fuq il-mod ta’ kif il-Knisja Kattolika għandha tinbidel biex tattira iktar persuni lejha.

Quddiem l-isfidi li jitilgħu minn żmien għal żmien irridu nirriflettu iktar bis-serjeta biex il-Vanġelju tassew idawwal l-għażliet fil-preżent.