Internazzjonali

Ġermanja: Tkompli l-kontroversja dwar il-kummenti ta’ Abbas rigward l-Olokawst

Il-Mexxejja ta’ Iżrael u l-Ġermanja jinsabu mgħaddbin għall-kummenti tal-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, li aktar kmieni fil-ġimgħa akkuża lil Iżrael bit-twettiq ta’ ’50 versjoni tal-Olokawst’ kontra l-poplu tiegħu.

L-Olokawst proprju kien seħħ  fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u bħala parti mill-istrateġija tal-Ġermanja Nażista biex telimina għal kollox lill-poplu Lhudi.

Intant, Mahmoud Abbas, issa, ipprova jisfrutta t-tema tal-Olokawst għall-iskopijiet politiċi tiegħu u waqt li hu kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Berlin, flimkien mal-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz.

Ir-referenzi għall-‘azzjonijiet fuq livell ta’ Olokawst min-naħa ta’ Iżrael’ wasslu għal reazzjoni bla preċedent mingħand il-Kanċillier Scholz li – wara l-konferenza — ħareġ stqarrija fil-gazzetta Bild biex jikkundanna lil Abbas. Fl-istqarrija, Scholz għamilha ċara li ‘iħossu diżgustat bir-rimarki tal-Mexxej Palestinjan’ u li ‘il-Ġermaniżi kollha jikkunsidraw dawn il-kummenti bħala intollerabbli’.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Yair Lapid, sostna li l-akkuża ta’ Abbas ‘ibbażat fuq gidba faħxija’ u li l-‘istorja mhix se taħfirlu ( lil Abbas) talli pprova jagħmel gwadann personali kif ukoll fuq livell politiku mill-massakri ( waqt l-Olokawst) ta’ sitt miljun Lhud, fosthom 1.5 miljun tifel u tifla’.

Mahmoud Abbas kien mar f’Berlin bil-ħsieb li jikseb l-appoġġ tal-Ġermanja għall-impenn tal-Palestinjani biex jissieħbu fin-Nazzjonijiet Uniti bl-istatus formali bħala Stat. Hu kien qed jaħseb ukoll biex jitlob lill-Ġermanja ħalli tgħin tixpruna mill-ġdid it-taħditiet għall-paċi ( staġnati) bejn il-Palestinjani u Iżrael.

Intant, il-kritika li qamet għad-diskors dwar ’il-50 versjoni tal-Olokawst’ qed tidher  li niggżet lil Abbas, li issa tenna li ‘l-Olokawst ( waqt it-Tieni Gwerra) kien l-aktar reat infami fl-istorja moderna tal-bniedem’.

Madankollu, il-Mexxej Palestinjan żamm lura milli jitlob skuża lil Iżrael u l-Ġermanja qabel il-50 anniversarju tal-massakru tal-atleti Iżraeljani taħt idejn il-militanti Palestinjani tal-grupp terroristiku Black September u li kien seħħ waqt l-Olimpjadi tal-1971 fi Munich.