Lokali

Il-ħaddiema f’Malta l-aktar bieżla fl-Ewropa

Rapport tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) juri li l-ħaddiema f’Malta huma l-aktar li jaħdmu sigħat fis-sena fl-Ewropa u huma wkoll fost ta’ quddiem li l-aktar jaħdmu fid-dinja. 

Ir-rapport, intitolat Hours Worked, jistabbilixxi l-medja tas-sigħat ta’ xogħol fuq bażi ta’ sena u mbagħad jiddividi bil-medja tal-persuni kollha li ħadmu f’dik l-istess sena. Il-medja ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ ħaddiema f’Malta kienet ta’ 1,882. Wara Malta kien hemm ir-Rumanija b’1,838 siegħa.

Il-ħaddiema bl-anqas sigħat kienu dawk tal-Ġermanja u d-Danimarka fejn il-medja ta’ sigħat ta’ xogħol kienet 1,363 siegħa. Ħaddiema li jaħdmu sigħat aktar minn dawk ta’ ħaddiema Maltin kienu dawk fil-Messiku (2,128), Kosta Rica (2,073) u l-Kolombja (1,964).

Is-sigħat maħduma mill-ħaddiema jinkludu kemm xogħol full-time kif ukoll part-time, imma jeskludu vaganzi pubbliċi, il-leave annwali u leave ieħor fosthom tal-maternity u l-paternal leave.

Il-ħaddiema jinkludu kemm dawk impjegati kif ukoll self-employed.