Kultura Lokali

Il-PN jitlob lil Owen Bonnici biex minnufih jippubblika l-kuntratt sħiħ li sar fil-każ tar-ristorant f’Palazzo Vilhena fl-Imdina

Wara li l-bieraħ il-Partit Nazzjonalista talab lill-Ministru Owen Bonnici biex iwieġeb dwar kif Palazzo Vilhena fl-Imdina, li jaqa’ taħt Heritage Malta, riċentament beda jintuża’ mill-privat bi ftehim misterjuż mal-istess aġenzija bħala ristorant għal skopijiet kummerċjali, u dan mingħajr l-ebda proċess pubbliku trasparenti, Owen Bonnici, li hu politikament responsabbli minn Heritage Malta spiċċa biex inħeba warajha u ħalla lilha twieġeb għalih. Dan ifisser li jew Owen Bonnici għandu x’jaħbi, u wara li nkixef qiegħed jipprova jaħrab milli jiffaċċja r-responsabbilita’ politika għal din id-deċizjoni, jew inkella tilef il-kontroll ta’ entita’ pubblika li tagħha hu direttament responsabbli. 

Fi stqarrija maħruġa mid-deputat Julie Zahra, il-PN qal illi l-potenzjal u l-vijabbilita’ kummerċjali ta’ dan is-sit storiku fid-daħla tal-Imdina, hu magħruf sew, kif inhu magħruf ukoll li hemm numru ta’ operaturi li għandhom interess f’dan is-sit.

Għalhekk il-Ministru għandu minnufiħ:

  1. Jippubblika l-kuntratt sħiħ li sar bejn iż-żewġ partijiet.
  1. Jgħid kif intagħżel il-Palazz Vilhena, s-sit tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, u mhux wieħed mid-90 sit l-ieħor taħt il-kappa ta’ Heritage Malta u
  1. Jispjega fuq liema kriterji intgħażel operatur wieħed partikolari.

Il-Ministru Owen Bonnici ma jistax jistaħba wara stqarrija ta’ entita’ pubblika li taqa’ direttament taħt ir-responsabbilita’ tiegħu, u jgħid li dan il-ftehim misterjuz sar sabiex jiġi stabbilit jekk Heritage Malta għandiex toħroġ sejħa pubblika jew tmexxi din l-inizjattiva hi, meta r-regoli finanzjari jimponu obbligazzjonijiet ċari fuq Heritage Malta. Fl-ewwel lok, anki jekk għal perjodu definit, kellha toħroġ sejħa pubblika għal dan u fit-tieni lok Heritage Malta żgur li m’għandiex ir-riżorsi jew l-esperjenza biex topera inizjattivi bħal dawn hi stess. 

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-Ministru Bonnici jiftaħar li tul dawn l-snin Heritage Malta impjegat diversi persuni bħala curatorial support biex jassistu lill-kuraturi f’ħidmiethom fil-mużewijiet u fis-siti storiċi tal-Agenzija iżda dawn għad ma għandhomx l-esperjenza ta’ kuraturi professjonali. Dan minbarra l-fatt li opportunitajiet għal professional development ta’ min irid isir kuratur huma inkonsistenti għall-aħħar u mingħajr allokazzjoni ta’ fondi għal dan il-għan speċifiku. Il-Ministru qiegħed għaldaqstant jikkonferma disinteress ċar fil-kuraturi, u minflok jinvesti aktar fihom qiegħed jipprova jwarrabhom. 

Taħt il-pressjoni dejjem tikber biex jiġu ġġenerati fondi minn Heritage Malta, hekk kif għat-tielet sena konsekuttiva tilfet ‘il fuq minn miljun ewro, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-ħtieġa tal-protezzjoni u l-aċċessibilita’ tal-wirt kulturali fdat f’idejn l-aġenzija, tidher li qegħda kull ma jmur issir dejjem aktar skomda u meqjusa bħala ta’ xkiel u dan għad-detriment tal-interess tal-wirt kulturali nazzjonali fejn kif tikkonferma l-istess stqarrija tal-bieraħ “arranġamenti ta’ dan it-tip isiru b’mod regolari”.