Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq numru ta’ serqiet bi vjolenza

Żagħżugħ ta’ 29 sena bi problema ta’ droga, residenti l-Ħamrun inzamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati ta’ numru akkużi li jinkludu serq bi vjolenza minn ħanut tal-logħob fil-Marsa. Daryl Mark Pace ġie mixli wkoll li ssekwestra u żamm kontra r-rieda tiegħu lill-vittma li hu raġel u li dak il-ħin kien fil-pussess ta’ arma tal-plastik meta wettaq l-allegat reat.

Pace ġie mixli wkoll b’serqa minn ħanut tax-xaghar fil-Marsa f’Ġunju li għadda u li hu reċediv. Mistoqsi mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Mercieca dwar x’jagħmel fil-ħajja huwa wieġeb li ma jaħdimx. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Andy Rotin qalet li lejlet Santa Marija, ġew infurmati b’serqa u minn cameras tas-sigurtà osservaw liż-żagħżugħ, li kien għadu kif ħareġ mid-dar, iġorr basket ħwejjeg.

Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li t-tpinġija taħt il-widna l-leminija u l-id il-leminija tal-akkużat ikkonfermaw l-identità tiegħu. Id-difiza permezz tal-Avukat tal-Għajnuna Legali għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li għadhom iridu jixhdu xhieda pajżana u għax jgħix fid-dar ta’ ommu li wkoll għandha l-vizzju tad-droga. Il-Maġistrat Mercieca ma laqgħetx it-t-talba tad-difiża u ordnat biex l-akkużat jibqa’ miżmum arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.