Internazzjonali

Każ makabru fi New Zealand: Isibu l-fdalijiet tat-tfal f’żewġ bagalji

Il-pulizija fi New Zealand qed tipprova tidentifika lil żewġt itfal żgħar li l-fdalijiet tagħhom instabu f’żewġ bagalji li kienu nxtraw waqt irkant.

Il-fdalijiet makabri nstabu wara li l-bagalji nxtraw ġimgħa ilu minn familja residenti f’South Auckland u li ħadet il-qatgħa ta’ ħajjitha fil-ħin meta nfetħu.

Il-fdalijiet tat-tfal – li jaħsbu li kellhom bejn ħamsa u għaxar snin – kienu moħbijin f’partijiet speċifiċi tal-bagalji u l-investigazzjoni qed taħbat wiċċha mal-kumplikazzjonijiet minħabba li laħaq għadda żmien sinifikanti bejn ‘il-ħin tal-mewt’ u l-mument tal-iskoperta. 

Ingħad ukoll li l-katavri x’aktarx li kienu ilhom moħbija għal snin, bil-pulizija qed tittama li ssib l-indikazzjonijiet konkreti li jixħtu dawl sinifikanti fuq il-każ fl-interessi tal-ġustizzja.