Lokali

L-aktar jiem sħan matul dan is-Sajf

Dawn l-aħħar jumejn, f’pajjiżna, kellna l-aktar ġranet sħan għal matul dan is-sajf.

L-Erbgħa fil-fatt kienet l-aktar ġurnata sħuna għal din is-sena hekk kif it-temperatura – f’xi ħinijiet – kienet tinħass 48 grad celcius. Is-Sajf fil-Gżejjer Maltin dejjem ikun wieħed qalil u din is-sena ma kien xejn inqas hekk kif għal ġranet sħaħ esperjenzajna temperaturi għoljin ħafna għalkemm il-qofol tal-istaġun jidher li ntlahaq din il-ġimgħa.

Minn kmieni filgħodu malli tirfes minn fuq l-għatba tad-dar ‘il barra diġa’ tkun qed tinħass is-sħana li matul il-ġurnata tkompli tiżdied. U propju f’dan iż-żmien tas-sajf fl-eqqel tal-vaganzi u meta ħafna jkunu bix-shutdown bosta jmmorru bi ħġarhom lejn il-baħar sabiex jiffriskaw.

Iżda l-baħar ukoll mhux qed ikun ħanin hekk kif għal diversi ġranet kien qed ikejjel temperatura ta’ 29 gradi celcius. Dan ifisser li l-baħar ukoll kellu temperatura pjuttost għolja bħalissa.

Is-sitwazzjoni, iżda, taf tinbidel lejn tmiem il-ġimgħa fejn mistenni li jqum ir-riħ hekk kif l-Uffiċju Meterjoloġiku qed ibassar li s-saħħa tar-riħ mistennja tkun bejn Forza 5 u 6. 

U aħbar tajba anke għal dawk li jħobbu x-xita u li jixtiequ pawża minn din is-sħana tremenda. Dan hekk kif l-Uffiċju Meterjologiku qed ibassar li għall-ġimgħa d-dieħla hemm il-possibilita’ ta’ maltemp fuq il-Gżejjer Maltin. Barra minn hekk, it-temperatura mistennija li tinżel taħt it-30 grad.