Ekonomija Lokali

L-Indiċi tal-Prezzijiet ikompli jispara ‘l fuq

Ċifri uffiċjali maħruġa mill-NSO jikkonfermaw dak li qed iħossu l-familji kull meta jagħmlu x-xirjiet tagħhom, u x-xerja kostanti relatata mad-daqqa tal-għoli tal-ħajja.

Fil-fatt, iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għal Lulju juru li l-Indiċi tal-Prezzijiet żdied minn 6.1 fil-mija għal 6.8 fil-mija.

L-akbar żieda li ġiet reġistrata kienet fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb, u anke s-servizzi tal-lukandi u r-ristoranti.

Fl-aħħar xhur kellna żidiet fil-prezz tal-ħobż, prodotti tal-ħalib, ħaxix u frott, iż-żejt, il-pastizzi, prodotti tal-ħasil, u prodotti mediċinali. Filwaqt li fl-aħħar jiem żdied anke l-prezz tal-posta.

Rapport maħruġ mill-Bank Ċentrali tal-Malta wera li ż-żieda fil-prezzijiet li qed jaffacja l-poplu Malti bhalissa hija l-ogħla li qatt ra pajjiżna f’dawn l-aħħar snin.

U għalkemm il-Prim Ministru din il-ġimgħa kiser xi ftit is-silenzu u kiteb fuq Facebook biex jiftaħar fuq l-ekonomija, fl-ebda ħin għadu ma ta soluzzjonijiet konkreti dwar kif ghandha tigi indirizzata l-problema tal-inflazzjoni.

L-uniku fatt kwazi ċert hu, li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun ta’ 10 ewro – b’analisti politiċi diġa’ qed jgħidu li din mhux biżejjed, u li hemm bżonn pjan aktar ħolistiku u strategija ċara li tinċentiva x-xiri u t-tkabbir ekonomiku. Mingħajr ma jintefa’ piż akbar fuq min iħaddem.