Sport Waterpolo

Ninsab imweġġa’ u diżappuntat għaliex din id-darba m’aħniex se mmorru bl-aqwa tim possibbli – Karl Izzo, kowċ nazzjonali

(Ritratt: Martin Agius)

Rapport: Stewart Said

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li ftit huma l-assoċjazzjonijiet f’pajjiżna li jkollhom il-privileġġ li jkollhom dawn il-parteċipazzjonijiet. Hu b’mod partikolari semma l-parteċipazzjoni tat-timijiet nazzjonali ta’ taħt is-16 u d-19-il sena u ddeskriviehom bħala l-benniena tal-futur tal-waterpolo tal-kbar f’pajjiżna. “Għandna fiduċja enormi li jekk dawn il-plejers ikunu u jibqgħu jagħtu l-kontribut, fil-futur se jagħtuna sodisfazzjon.”

L-attenzjoni prinċipali hi l-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali tal-irġiel fi Split għar-raba’ Kampjonat Ewropew konsekuttiv. Caruana Curran qal li t-tim hu dgħajjef għal raġunijiet differenti, b’referenza għan-nuqqas ta’ erba’ plejers importanti mill-iskwadra.

Hu saħaq li l-ebda plejer ma jagħmel pjaċir li jilgħab mat-tim nazzjonali u d-direzzjoni fil-futur se tkun waħda li tkun korretta ma’ dawk li juru rieda li jilagħbu fit-tim nazzjonali.

“Ninsab imweġġa’ u diżappuntat għaliex din id-darba m’aħniex se mmoru bl-aqwa tim possibbli. Sfortunatament kien hemm plejers li ma aċċettawx it-talba li jilagħbu. Jekk se tmur għal dawn il-kompetizzjonijiet bl-aqwa tim,” qal Karl Izzo.

Il-kowċ nazzjonali semma lil Stevie Camilleri, Jordan Camilleri, Jake Muscat u Jerome Gabarretta, erba’ pedini awtomatiċi fl-iskwadra nazzjonali li kollha mhux se jkunu preżenti għal raġunijiet differenti.

“Stevie qalilna li ma kienx lest biex jikkometti ruħu, Jake niżel Malta mweġġa’, lagħab fil-kampjonat, issa opera ruħu u se jitlef żewġ tournaments. Jordan jinsab imweġġa’ u minħabba raġunijiet familjari wkoll, Jerome qed iħoss li kellu staġun twil u anki fosthom kellu ħafna injuries.”

L-għan prinċpali tat-tim Malti hu li jtejjeb il-15-il post, jiġifieri jikseb l-ogħla pożizzjoni fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Malta telgħet fil-grupp mal-organizzaturi l-Kroazja, il-Greċja u Franza, bil-logħbiet importanti jaslu wara dawk tal-gruppi. L-għażla proviżorja hi ta’ 20 plejer u tinżel għal 14 fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

In-nuqqas ta’ għajnuna

Il-President tal-ASA lmenta wkoll dwar l-għażla tal-LEN li jorganizzaw kompetizzjoni f’post fejn it-turiżmu jkun b’saħħtu ħafna, b’konsegwenza li l-prezzijiet tat-titjiriet u l-lukandi għolew. Caruana Curran qal li filwaqt li jibqgħu kommessi biex jagħmlu l-ġid għall-waterpolo Malti, sostna dwar in-nuqqas ta’ għajnuna li jirċievu minn diversi entitajiet.

Hu semma b’mod partikolari kif l-Awtorità Maltija tal-Gaming u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma baqgħux sponsors tal-ASA b’konsegwenza li bejniethom naqqsu €100,000. “Aħna għamilna talba lil SportMalta iżda t-talba ma setgħetx tiġi kkunsidrata minħabba li l-Bord ġie ffurmat ftit ilu.”

Caruana Curran tkellem kif ħafna drabi l-fondi jaslu wara l-parteċipazzjoni u mhux meta l-aktar ikollhom bżonnhom. “Jekk teżisti fiduċja fl-assoċjazzjonijiet, tuna xi ħaġa bil-quddiem imbagħad wara li nipprovdu l-irċevuti neċessarji nieħdu l-kumplament. Hawn xi ħadd jemmen li l-isport hu importanti? Fil-verità f’dan il-pajjiż l-isport mhux suġġett importanti fl-aġenda,” kompla l-President tal-ASA.

Intant, Joe Caruana Curran ħabbar li se jerġa’ jkun qed jikkontesta f’Novembru li ġej għal terminu ieħor ta’ tliet snin.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

L-ewwel tim li se jipparteċipa hu t-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena li llum iħalli pajjiżna lejn Volos fil-Greċja biex jipparteċipa fil-Kampjonat tad-Dinja. Il-kowċ tat-tim Anthony Farrugia qal li ilhom erba’ snin jaħdmu fuq dan il-grupp ta’ plejers u jinsabu preparti wara kampjonat sħiħ li kienu fl-azzjoni.

Fil-grupp iż-żgħażagħ Maltin jinsabu mal-Istati Uniti u l-Każakistan. Mistoqsi dwar il-kundizzjoni fiżika tal-plejers, Farrugia qal li flimkien mal-fiżjoterapist John Xerri de Caro, sa nhar it-Tlieta t-tim għandu jkun irkupra tajjeb.

Dwar it-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena li se jilgħab fil-Kampjonat Ewropew, Farrugia qal li minħabba nuqqas ta’ fondi, jista’ jkun li ż-żgħażagħ ma jkollhomx kampijiet ta’ taħriġ iżda taħriġ biss.