Ambjent Għawdex Lokali

“Qed naraw bini tiela li mhux jirrispetta l-ambjent Għawdxi” – Kamra tal-Kummerċ Għawdxija

Irridu bini li jkun sostenibbli.

Din kienet waħda mit-temi ewlenin li elenka magħna l-Kap Eżekuttuv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Daniel Borg, meta mistoqsi dwar id-dokument ta’ qabel il-budget li ħarġet l-istess entità.

Fil-kumment tiegħu Daniel Borg spjega ma’ Net News dak li bħalissa għaddej f’Għawdex, speċjalment rigward il-bini li tiela bl-addoċċ u kemm jeħtieġ li jkun hemm politika li tħares il-prodott Għawdxi.

L-iżvilupp ma jistax ma jħarisx l-ambjent, għandek policies li japplikaw għal Malta u Għawdex li ma jġibux distinzjoni bejn lokalità u oħra. Bħala Chamber, aħna qed nitolbu li jkun hemm design priority area, li dak kollu li jinbena, ikun konform mal-ambjent Għawdxi. Qed naraw ħafna appartamenti tilgħin b’mod mgħaġġel li mhux iħarsu dan

Huwa spjega li jeħtieġ pjanar serju, fejn isir żvilupp ta’ valur.

Għal Għawdex jeħtieġ viżjoni reġjonali vera. Viżjoni li lil Għawdex narawh meqjus reġjun dejjem.

Dwar is-settur tas-saħħa Daniel Borg qal li fl-aħħar snin sar investiment fl-iskola tal-Queen Mary. Madankollu, jeħtieġ li Għawdex ikollu sptar ġdid – xi ħaġa li dwarha ilu jinsisti b’saħħa anke l-PN.

Il-komunità Għawdxija għandha bżonn sptar ġdid. Għawdex m’għadux b’dik il-popolazzjoni ta’ 34,000. F’ċerti jiem jew perjodi fis-sena, ikollna influss kbir. Il-popolazzjoni żdiedet minħabba ħafna raġunijiet u għalhekk jeħtieġ li jkollna sptar ġdid

Fl-aħħar snin, il-qasam tas-saħħa f’Għawdex intesa kompletament, u ħadd ma ra l-investiment li suppost kellhom jagħmlu l-kumpaniji Vitals u Steward.