Sport Waterpolo

Stevie Camilleri mhux se jkun fl-iskwadra nazzjonali għal Split – in-nuqqas ta’ mistrieħ determinanti fid-deċiżjoni

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Artiklu: Stewart Said

Wara t-tmiem tal-istaġun lokali tas-sajf, l-attenzjoni issa ddur fuq l-impenji tat-timijiet nazzjonali tal-waterpolo, b’mod partikolari l-Kampjonat Ewropew tal-irġiel li se jsir fi Split. Sfortunatament, it-tim nazzjonali mhux se jkollu l-aqwa skwadra possibbli hekk kif netnews.com.mt jista’ jikkonferma li l-captain Stevie Camilleri mhux se jkun parti mill-iskwadra finali.

Id-deċiżjoni ttieħdet minn Camilleri stess bir-raġuni prinċpali hu l-bżonn ta’ mistrieħ, kawża ta’ kalendarju personali impenjattiv. “Wara li wasalt sal-play-offs fis-Serie A2, kelli biss bejn erbgħa u ħamest ijiem mistrieħ u bdejt il-kampjonat hawn fejn il-kalendarju kien veru impenjattiv. Wara li ffirmajt ma’ Nuoto Catania fis-Serie A1, qed nistenna staġun impenjattiv u kompetittiv ħafna, staġun li se jibda f’Settembru,” qal Camilleri.

Stevie Camilleri li għandu 35 sena, ma kienx parti mill-ewwel żewġ logħbiet ta’ Neptunes fl-istaġun tas-sajf wara li wasal sal-play-offs ma’ Muri Antichi. Camilleri kien fost dawk li meta kien possibbli, dejjem lagħab mat-tim nazzjonali u d-diskussjonijiet li kellu mal-kowċ nazzjonali Karl Izzo u l-President tal-ASA Joe Caruana Curran żgur li kienet kordjali, bil-partijiet konċernati fehmu lil xulxin għalkemm ma kinux kuntent bid-deċiżjoni finali.

L-ewwel impenn tat-tim nazzjonali hu t-Tnejn 29 ta’ Awwissu kontra l-organizzaturi l-Kroazja fid-9.00pm. Isegwu logħbiet kontra l-Greċja l-Erbgħa 31 ta’ Awwissu u kontra Franza fit-2 ta’ Settembru. Wara l-logħbiet ta’ klassifikazzjoni, l-aħħar logħba tat-tim Malti hi mistennija li tkun fis-6 ta’ Settembru.