Lokali

Tirritorna l-maratona “Ġesu’ fil-Proxxmu”

Il-maratona Ġesu’ fil-Proxxmu se tirritorna nhar il-Ħadd li ġej fuq l-istazzjonijiet tat-televizjoni lokali.

Din il-maratona ta’ 12-il siegħa se tkun waħda differenti hekk kif hija l-ewwel maratona wara l-mewt ta Dun Ġorġ Grima; li ġie nieqes ħames snin ilu. Net News tkellem mad-Direttur tal-Fondazzjoni Ġesu’ fil-Proxxmu Fr Alex Cauchi li tkellem dwar l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva. Huwa qal li din il-maratona tkun organizzata sabiex ikunu jistgħu jgħinu n-nies tal-Afrika.

Fr Alex Cauchi kellimna wkoll dwar id-diversi proġetti li ħadet ħsieb s’issa din il-fondazzjoni sabiex in-nies fl-Afrika jkollhom ħajja aħjar. Dawn il-proġetti jinkludu bini ta’ skejjel u kappelli.

Issa, il-Fondazzjoni Ġesu fil-Proxxmu qed tħejji proġett ġdid li jista’ jsir realta’ bis-saħħa ta’ din il-maratona. ‘Il quddiem dan il-proġett jista’ jgħin lin-nies tal-Etiopja sabiex jdaħħlu xi ħaġa tal-flus u ma’ jibqgħux kompletament dipendenti fuq din il-Fondazzjoni. Fiż-żmien li ġej jixtiequ jħawwlu siġar tal-kafe’ f’medda ta’ art kbira li bħalissa tinsab battala.

Fr Alex semma’ kif il-ġenerożita’ kbira tal-Maltin dejjem għenet sabiex saru dawn il-proġetti. U għalhekk, huwa appella sabiex il-Maltin jagħtu milli jistgħu sabiex il-proġetti jibqgħu jsiru realta’.