Lokali

Arrestat wara li wasal minn Brussell bi tliet kilogrammi eroina

Raġel ta’ 64 sena minn Bormla kien arrestat mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga ftit wara l-wasla tiegħu minn Brussell.

Ir-raġel twaqqaf l-Erbgħa filgħaxija mill-Pulizija fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li daħlitilhom informazzjoni li hu kien qiegħed iġorr sustanza llegali fil-bagalja.

Bl-assistenza tat-taqsima tal-klieb tad-Dwana bdiet it-tfittxijha fuq ir-raġel.

Is-suspett kiber hekk kif il-kelb beda jindika xi ħaġa suspettuża f’bagalja. Malli fetħu l-baglja suspettuża, il-Pulizija sabu tlett kilogrammi ta’ sustanza suspettata li hija droga eroina, b’ valur fit-triq ta’ madwar €600,000.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Marsanne Farrugia, bir-raġel qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana.

Hu se jitressaq il-Qorti dalgħodu fil-11.15am quddiem il-Maġistrat lil Nadine Lia.