Lokali

AĠĠORNATA: Il-bulettin tal-PBS jinjora għal kollox il-ġlieda li seħħet fil-Ħamrun

Il-bulettin ewlieni tat-8pm fuq TVM u TVM News+ ilbieraħ injora għal kollox ix-xeni li seħħew fil-Ħamrun, fejn faqqgħet ġlieda kbira li fiha weġġgħu żewġ Sirjani.

Il-filmati ta’ din il-ġlieda kienu suġġett ta’ diskussjoni pubblika enormi, iżda għax-Xandir Nazzjonali dan il-fatt ma kienx jimmerita li jsib spazju fl-aħbarijiet. Fil-fatt, fil-bulettin ewlieni tal-PBS ma ntqal xejn dwar dak li seħħ fil-Ħamrun.

Jidher li min-Newsroom tal-PBS ittieħdet id-deċiżjoni li lanqas biss jintbgħat crew fil-Ħamrun biex jinġibdu filmati ta’ dak li kien għaddej. U sar biss servizz fuq il-website, b’filmat li kien qed jiċċirkola fuq il-media soċjali.

Net News jista’ jikkonferma li din id-deċiżjoni ġabet magħha nuqqas ta’ qbil anke fost il-ġurnalisti tax-Xadir, b’sorsi mill-PBS jgħidulna li hemm ħafna li ma jistgħux jifhmu kif fil-bulettin ma ssemma’ xejn dwar din il-ġlieda.

Injorata anke stqarrija tal-PN

L-aħbarijiet ta’ TVM injoraw ukoll dak li qal il-PN fi stqarrija dwar il-Ministru Owen Bonnici, fejn intalab biex minnufih jippubblika l-kuntratt sħiħ li sar fil-każ tar-ristorant f’Palazzo Vilhena fl-Imdina.

Din l-istqarrija tal-PN ma xxandritx fuq l-aħbarijiet tal-PBS.

Il-PN qed jinsisti mal-Gvern biex jgħid kif intagħżel il-Palazz Vilhena, s-sit tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, u mhux wieħed mid-90 sit l-ieħor taħt il-kappa ta’ Heritage Malta. U jispjega fuq liema kriterji intgħażel operatur wieħed partikolari.