Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Tħassib dwar il-pjani tar-Russi għall-akbar faċilità nukleari fl-Ewropa

Il-Gvern tal-Ukrajna u l-pajjiżi tal-Punent qed jinkwetaw dwar il-pjani tar-Russja għall-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia li kienet inħatfet ġimgħat ilu mill-qawwiet Russi.

Il-faċilità tinsab lejn in-Nofsinar tal-Ukrajna u fl-aħħar sigħat, il-kelliema għall-aġenzija nukleari ta’ dan il-pajjiż żvelaw li t-truppi Russi qegħdin jillimitaw l-aċċess għall-istaff ta’ dan il-kumpless ‘għal raġunijiet li huma biss jafu’.

L-Ukrajna, fl-istess ħin, wissiet li r-Russja qed taħseb biex taqla’ il-power units li jissupplixxu d-dawl għaz-zoni residenzjali u bnadi oħrajn tal-pajjiż.

Dan meta l-Gvern fi Kiev qed jakkuża lil Moska dwar ‘provokazzjoni oħra’ waqt l-invażjoni tal-artijiet  Ukreni mill-Armata tal-President Russu, Vladimir Putin, u li ilha mill-24 ta’ Frar.

Is-sitwazzjoni fil-faċilità ta’ Zaporizhzhia għandha l-potenzjal li twassal għal diżastru nukleari simili għall-isplużjoni tas-snin tmenin fl-impjant ta’ Chernobyl (fl-Ukrajna).

U s-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres qed ikompli bl-appelli biex tieqaf kull attività militari madwar dan il-kumpless ‘u biex in-nies ikkonċernati jirrealizzaw u jirrispettaw il-periklu’.

Il-qawwiet Russi, fl-aħħar jiem, użaw l-inħawi tal-faċilità nukleari biex jattakkaw lill-qawwiet tal-Ukrajna fi bnadi oħrajn u jidher li l-kmandanti tagħhom huma ‘konvinti li l-Ukreni mhumiex se jisparaw lura b’ċerta intensità’.

Madankollu, ir-Russi xorta baqgħu jakkużaw lill-Ukrajna b’li qed ‘tibbumbardja l-inħawi tal-faċilità nukleari’ li hi wkoll l-akbar kumpless nukleari fl-Ewropa.

‘Sitwazzjoni konfuża għall-aħħar’

Fl-istess ħin, is-Segretarju-Ġenerali Guterres fisser is-sitwazzjoni fil-kumpless ta’ Zaporizhzhia bħala ‘waħda konfuża għall-aħħar’. Hu enfasizza l-ħtieġa li kull attività militari fl-inħawi tieqaf immedjatament u biex l-ispetturi internazzjonali jingħataw aċċess għall-faċilità inkwistjoni.  

Meta kellem lill-BBC News fil-belt ta’ Odessa, Guterres qal li għadha mhix possibbli diskussjoni serja dwar is-sitwazzjoni mar-rappreżentanti Russi – b‘Moska qed tkompli tiċħad is-sejħa tiegħu għal zona demilitarizzata madwar il-faċilità.

Intant, għadhom għaddejjin is-sejħiet biex l-ispetturi internazzjonali fis-settur nukleari jitħallew iżuru l-kumpless li ilu minn Marzu okkupat mill-qawwiet Russi. Dan waqt li t-talbiet jidhru li qed jaqgħu fuq widnejn torox bir-Russi, għalissa, ma jidhrux disposti li jaċċettaw il-preżenza tal-ispetturi.

Ikomplu l-attakki fuq il-Krimea

Komplew, intant, il-bumbardamenti fil-penisola tal-Krimea li r-Russja kienet ħafet lill-Ukrajna fl-2014 u għaqqditha mat-territorji kkontrollati minn Moska.

L-attakk qed jitqies bħala t-tielet darba f’għaxart ijiem li l-penisola spiċċat taħt attakk u meta nstemgħu diversi splużjonijiet viċin il-bażi tal-ajru ta’ Belbek, fil-limiti ta’ Sevastopol.

Fl-aħħar jiem, il-qawwiet Russi kienu qegħdin jużaw din il-bażi għall-attakki fuq il-militar u ċ-ċentri ċivili tal-Ukrajna. Sadanittant, is-sorsi Russi qalu li l-qawwiet tagħhom irnexxielhom iwaqqgħu drone tal-Ukrajna f’dik iz-zona u li l-bażi inkwistjoni ma ġarrbitx xi ħsarat partikulari.