Futbol Sport

Illum jibda l-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Illejla fis-Centenary Stadium jitla s-siparju fuq il-Kampjonat Premier għall-istaġun 2022/23, fejn iċ-Champions Hibernians jibdew jiddefendu t-titlu mirbuħ l-istaġun li għadda. Tal-Pagun mistennija jkunu fost il-protagonisti fejn l-ikbar sfidanti tagħhom bla dubju se jkunu Ħamrun Spartans, tim li jidher li ssaħħaħ sew u li għadu għaddej bl-avventura tiegħu fl-Ewropa. Ħamrun, Gżira u Hibernians ftit kellhom mistrieħ hekk kif kellhom sajf impenjattiv bit-tlieta li huma javvanzaw fl-Europa Conference Leage. Floriana kienu eliminati fl-ewwel rawnd.

Il-format fil-Kampjonat se jerġa lura għal dak normali, b’14-il tim. Huma tlieta t-timijiet promossi miċ-Challenge League minħabba li Pembroke, wieħed mit-timijiet promossi m’applikawx għal liċenzja professjonali u fl-istaġun li ġej se jkunu fl-Amateur League. Riżutat ta’ dan Santa Lucia se jerġgħu jilgħabu fil-Kampjonat Premier minkejja li sfaw relegati l-istaġun li għadda.

L-iktar logħba mistennija fl-ewwel ġurnata hi l-logħba bejn Hibernians u Valletta nhar il-Ħadd bil-Beltin dan l-istaġun se jipprovaw idawwru r-rotta wara staġun mill-aktar deludenti. Fl-ewwel logħbiet tal-lejla Birkirkara jiltaqgħu kontra Sirens filwaqt li fit-tieni logħba Balzan jiltaqgħu kontra n-neo promossi Żebbuġ Ranġers biż-żewġ logħbiet se jintlagħbu fis-Centenary Stadium.

Fl-ewwel ġurnata Ħamrun u Marsaxlokk mhux se jkunu qed jilgħabu minħabba l-impenji tal-Ispartans fil-play-offs tal-Europa Conference League.

Programm tal-ewwel ġurnata:

Illum – Centenary Stadium

18:30 – Birkirkara vs Sirens

20:45 – Balzan vs Żebbuġ R

Għada – Centenary Stadium

19:30 – Mosta vs Gudja U.

Għada – Tony Bezzina Stadium

18:30 – Gżira U vs Sta. Lucia

20:45 – Floriana vs Pietà H

Il-Ħadd – Tony Bezzina Stadium

18:30 – Hibernians vs Valletta