Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti anzjan mixli li mporta tliet kilos eroina minn Brussell

Anzjan Malti ta’ 64 sena li ġie arrestat nhar l-Erbgħa filgħaxija wara li allegatament instabu fuq madwar tliet kilos ta’ sustanza droga eroina f’qiegħ falz ta’ bagalja, li nstabet f’pakkett kbir li fih kien hemm id-droga, b’valur fit-triq ta’ madwar €600,000 tressaq il-Qorti.

Raymond Balzan, residenti Bormla ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia bil-pussess, importazzjoni u traffikar ta’ madwar tliet kilogrammi sustanza suspettata droga eroina. Huwa kien ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tiegħu f’Malta mill-Brussell fil-Belġju.

Il-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu rċevew informazzjoni li r-raġel seta’ kien se jdaħħal id-droga f’Malta. Malli huwa wasal Malta fittxewlu fil-bagalja permezz tal-klieb tad-Dwana. Uffiċjali tad-dwana u l-Pulizija għamlu tfittxija fil-bagalja ta’ Balzan permezz tal-klieb tad-Dwana.

Balzan wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih bl-avukat tiegħu ma jitlobx għall-ħelsien mill-arrest biex huwa ttieħed mill-ewwel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Maġistrat Lia laqgħet it-talba għall-iffriżar tal-assi. L-Avukat Joe Brincat deher għall-akkużat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Marshall Mallia.