Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Oħt Kim Jong-un urtata għal offerta mill-Korea t’Isfel

Kim Yo-jong, oħt id-dittatur Kim Jong-un li qed imexxi lill-Korea ta’ Fuq, ikkundannat l-offerta ta’ għajnuna ekonomika mingħand il-Korea t’Isfel li, min-naħa tagħha, qed titlob biex il-Korani komunisti jieħdu passi konkreti lejn id-denuklearizzazzjoni,.

Kim Yo-jong (ritratt)  — li hi kkunsidrata minn ħafna bħala ‘l-Viċi-Mexxejja’ tal-Istat komunista — sostniet li l-offerta ta’ Seoul kienet ‘waħda assurda’ u li ‘l-ebda pajjiż mhu se jinnegozja dwar id-destin tiegħu’.

Ir-reġim komunista fi Pyongyang qed jgħid li jħossu ‘insulentat’ wara li l-President tal-Korea t’Isfel,  Yoon Suk-yeol, irrepeta l-pjan biex il-Korea ta’ Fuq taċċetta l-għajnuna ekonomika waqt li żżomm lura milli timplimenta l-pjani nukleari.

Iżda Kim Yo-jong wieġbet bi kritika personali għall-President Yoon u qalet li hu ‘qed jirranġuna bħat-tfal’. Intant, l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Korea t’Isfel esprimiet dispjaċir għall-kummenti ta’ Kim u fissrithom bħala ‘barra minn lokhom’. Madankollu, il-kelliema f’Seoul qalu li pajjiżhom baqa’ ma rtirax l-offerta tiegħu lill-komunisti.

Sadanittant, il-Korea t’Isfel għamiltha ċara li l-Korea ta’ Fuq, b’dan l-atteġġjament arroganti, mhix qed tgħin għat-tkattir tal-paċi u prosperità fil-penisola Koreana u meta anki ‘qed tilgħab bil-futur tagħha’.