Internazzjonali

L-Ewropa fil-maltemp – rappurtati imwiet fl-Italja, Franza u Awstrija

Il-Kampnar tal-Bażilika ta’ San Marku f’Venezja jġarrab xi ħsarat

Maltempati qawwija fiċ-ċentru u n-nofsinhar tal-Ewropa ħallew ħerba sħiħa fejn sfortunatament saħansitra kien hemm 13-il fatalità, inkluż 3 itfal.

L-imwiet ġew irrapportati fl-Italja, l-Awstrija u l-gżira Franċiża ta’ Korsika b’irwiefen joħolqu kaos totali fost oħrajn b’danni fuq il-kampnar tal-Bażilika ta’ San Marku f’Venezja.

Dan filwaqt li l-irwiefen f’Korsika saħansitra laħqu l-mitejn u ħamsin kilometru fis-siegħa b’siġar u djar isofru tiġrif sostanzjali. L-aktar li ġew irrapportati mwiet kien proprju fuq din il-gżira fejn mara ntlaqtet minn saqaf waqt li kienet qed issuq, tfajla ta’ 13-il sena tilfet ħajjitha waqt li kienet camping u raġel intlaqat minn siġra.

Żewġt ibniet oħra mietu biswit lag fl-Awstrija wara li huma wkoll ntlaqtu minn siġra li tqaċtet kawża tal-irwiefen qawwija.

Fl-Italja l-aktar reġjun li ntlaqtu kienu dawk ta’ Ligura u tat-Toscana.

Il-maltempati waslu wara ġimgħat ta’ sħana u nixfa kbira.