Internazzjonali

L-Ewropa maħkuma mill-maltempati qawwija… Tfal fost il-vittmi tal-elementi fi Franza, l-Awstrija u l-Italja

Il-pajjiżi taċ-ċentru u n-nofsinar tal-Ewropa, fl-aħħar sigħat, spiċċaw assedjati minn maltemp feroċi u pjuttost rari għal dan iż-żmien tas-sena u bir-riżultat li mietu talanqas 12-il persuna – inklużi tlett itfal – b’kaġun tal-elementi.

Il-parti kbira tal-vittmi tilfu ħajjithom wara li ċedew għal fuqhom is-siġar u bil-maġġoranza tal-imwiet ikunu rappurati fl-Italja, l-Awstrija u l-gżira Franċiża ta’ Korsika.

Il-maltemp kien partikularment qawwi madwar Korsika, bl-irwiefen u x-xita jeqirdu s-siti għall-kampijiet fuq din il-gżira.

L-irwiefen li bdew għaddejjin miz-zona qalgħu diversi siġar minbarra li  qerdu numru ta’ mobile homes – u bl-awtoritajiet lokali, wara, jikkonfermaw il-mewt ta’ tifla ta’ 13-il sena li ċediet siġra għal fuqha.

Intant, raġel ta’ 46 sena miet f’ċirkustanzi simili waqt li mara ta’ sebgħin sena ukoll tilfset ħajjitha meta l-karozza tagħha intlaqtet mis-saqaf ta’beach hut li kien tqaċċat mill-irwiefen.

Il-vittmi oħrajn jinkludu sajjied ta’ 62 sena u mara li għerqet fil-baħar qawwi wara li kienet  ħarġet bil-kajjik.

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, mar f’Korsika, aktar tard, biex jara r-riżultati tal-maltemp fost rapporti li mat-13,000 persuna spiċċaw evakwati mis-siti tal-kampijiet fuq din il-gżira.

Dan meta bnadi oħra ta’ Franza wkoll ġarrbu l-effetti tal-maltemp, fost il-qtugħ tad-dawl fiz-zoni tan-nofsinar u bit-toroq fil-belt ewlenija ta’ Marsilja jispiċċaw kollha taħt għargħar.

Il-qerda tas-siġar mill-maltemp irriżultat fatali wkoll fl-Italja, b’raġel u mara jmutu mgħaffġin f’inċidenti rispettivi fir-reġjun ta’ Toskana.

Fl-istess ħin, rapporti oħra qalu li l-irwiefen qawwija li kienu qed jiddominaw fl-aħħar sigħat qaċċtu anki parti mill-kampnar tal-Bażilika ta’ San Mark minbarra li qalgħu l-umbrelel kollha tal-kafeteriji fil-qalba ta’ Venezja.

Ir-resorts tas-sajf f’Toskana u fir-reġjun ta’ Ligurja, aktar ‘il fuq, ukoll ġarrbu l-impatt qalil tal-maltemp fl-Ewropa.

Intant, il-vittmi ma naqsux fl-Awstrija, fejn żewġ ibniet ta’ erba’ u tmien snin spiċċaw mgħaffġin taħt siġra li ċediet għal fuqhom viċin ta’ xmara fir-reġjun ta’ Karintja, lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż.

Il-maltemp ħalla diversi bnadi ta’ Karintja qishom kampijiet tal-battalja — bl-awtoritajiet Awstrijaċi, anki jirappurtaw każ ieħor fatali li kien tinvolvi mara u li seħħ fil-provinċja ta’ Lower Austria.

Il-maltemp ta’ qilla partikulari fl-Ewropa qed isir aktar frekwenti – anki matul is-sajf – minħabba l-bidliet fil-klima. Madankollu, l-aħħar elementi kiefra fl-ebda ħin ma kienu mistennija u meta ma ngħatat l-ebda twissija minn qabel.