Sport Sport Ieħor

Nairo Quintana mistenni jieħu sehem fil-Vuelta a Espana minkejja li kien sospiż mit-Tour de France

(Ritratt: EPA)

Ic-ciklist Kolombjan Nairo Quintana ċaħad li ħa mediċina għall-uġigħ ipprojbita wara li kien skwalifikat mit-Tour de France ta’ din is-sena minħabba li kien irriżulta pożittiv għat-test tat-tramadol. Nairo Quintana ta’ 32 sena , darbtejn runner-up fit-Tour de France , temm fis-sitt post fil-klassifika ġenerali fit-tellieqa li ntemmet fl-24 ta’ Lulju. Il-medikazzjoni għall-uġigħ ilha fuq lista ta’ sustanzi pprojbiti mill-Unjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu mill-2019. Minkejja dan Quintana huwa mistenni li jieħu sehem fil-Vuelta a Espana li tibda llum fl-Olanda.

Tramadol huwa pprojbit biss fil-kompetizzjoni u filwaqt li Quintana ġie skwalifikat mit-Tour wara li rriżulta pożittiv għas-sustanza kemm fit-8 kif ukoll fit-13 ta’ Lulju, mhux se jiġi pprojbit mit-tiġrijiet futuri. L-Unjoni Internazzjonali tac-cikliżmu kkonfermat li Quintana ġie sanzjonat għal ksur tal-projbizzjoni fil-kompetizzjoni fuq l-użu tat-tramadol, bil-għan li tipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tac-ciklisti fid-dawl tal-effetti sekondarji ta ‘din is-sustanza. Quintana għandu għaxart ijiem biex jappella d-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS).