Lokali

Fil-periklu tal-mewt Noel Ciantar – il-vittma tal-isparatura f’Wied Ħażrun

Noel Ciantar, ir-raġel ta’ 49 sena mir-Rabat, li l-Ġimgħa kmieni waranofsinhar spiċċa vittma ta’ sparatura fil-proprjetà tiegħu f’Wied Ħażrun fil-limiti tas-Simblija bejn Ħad-Dingli u r-Rabat jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li xi persuna jew persuni sparaw tir t’arma tan-nar fuq Ciantar li ntlaqat fuq in-naħa ta’ wara ta’ spaltu – bl-aggressur jew aggressuri jaħarbu minn fuq il-post.

Fil-post waslu uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lir-raġel l-Isptar Mater Dei b’urġenza għal aktar kura.

Kelliema għall-Pulizija saħqu li f’dan l-istadju tal-investigazzjonijiet il-vittma biss jista’ jixħet aktar dawl dwar min sparalu u x’kien il-mottiv.

Intant, il-Pulizija appellat lill-pubbliku sabiex kull min għandu informazzjoni dwar il-każ għandu jinforma lill-Korp minnufih, anke b’mod anonimu – hekk kif it-tfittxija għall-aggressur jew aggressuri għadha għaddejja ġmielha.