Lokali

Seba’ ħaddiema ta’ San Vinċenz għadhom sospiżi

Għadhom sospiżi minn xgħolhom is-seba’ ħaddiema li kienu ssemmew fl-inkjesta wara l-każ tal-anzjan Karmenu Fino, illi ħarab minn San Vinċenz de Paul xahrejn ilu.

Erba’ uffiċjali tas-sigurtà, żewġ carers u infermier, li huma kollha Maltin, kienu sospiżi wara li kien ippubblikat ir-rapport tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Valenzia. Inkjesta li kellha kritika kbira mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, tant li l-President Paul Pace talab li terġa’ ssir investigazzjoni serja.

L-inkjesta kienet ikkonkludiet li dawn il-ħaddiema, li kienu xogħol dakinhar li ħarab Karmenu Fino, naqsu milli jipproteġu lill-anzjan u ħallewh joħroġ mir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul.

Iktar kmieni din il-ġimgħa tkellem għall-ewwel darba l-infermier li ġie sospiż… Rhys Xuereb, illi stqarr li jinsab diżgustat li l-inkjesta tefgħet it-tort kollu fuqu sabiex jiġi aġevolat il-Ministru responsabbli. Dan hekk kif sal-lum, il-Ministru JoEtienne Abela għadu ma ġarr ebda resnponsabbiltà għal dak li seħħ.

L-anzjan Karmenu Fino, sal-lum.. 52 jum wara li kien irrappurtat nieqes… għadu ma nstabx. Testijiet tad-DNA li saru fuq katavru li kien instab f’B’Bugia fl-14 ta’ Lulju… għadhom ma ġewx konklużi, hekk kif jidher li minħabba li l-katavru kien jinsab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni, qed ikun diffiċli biex ir-riżultati jaqbel ma’ traċċi ta’ DNA u records oħra.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu li dawn is-seba’ ħaddiema ta’ San Vinċenz se jibqgħu sospiżi sakemm l-Pulizija jikkonkludu l-investigazzjonijiet, u sakemm ikun deteminati jekk hux se jittieħdu passi kriminali fil-konfront tagħhom. U ma tista’ tittieħed ebda azzjoni qabel ma jkun identifikat il-katavru li nstab f’B’Bugia.