Lokali Qorti

Tellar jgħid li Frendo ħadlu l-karozza li kellha ħsara kbira u talbu biex ifittex isewwiha

Tellar xehed quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li Dean Frendo ħadlu l-karozza li kellha diversi daqqiet u qallu biex isewwiehlu maljar kemm jista’ jkun. Qallu li ma kellux karozza oħra u għalhekk kellu bżonnha malajr. Il-karozza kellha l-windscreen imkisser u ħsarat oħra fosthom fil-bonnett, il-fanal u l-mudguard.

Dan ħareġ meta l-Ġimgħa bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Dean Frendo ta’ 23 sena minn Birżebbuġa li qed jiġi mixli li tajjar lil Antoine Degabriele ta’ 51 sena u qatlu fiż-Żejtun, f’każ ta’ ‘hit and run’. Hu qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih.

Justin Grima, li huwa tellar u sprayer qal li huwa ma jafx lill-akkużat u qal li jaħdem f’garaxx fix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar. Qal li jaħdem għal rasu fil-garaxx li jismu “Justin Garage”. Kompla li dak inhar mar persuna ghandu wara d-9am. li qallu li kien mar għandu bil-mixi u qallu li se jġiblu bonnet, fanal u mudguard.

Tenna li wara li nġiebet il-karozza huwa beda’ jaħdem fuqha dak inhar stess filgħaxija u qal ukoll li l-karozza ma kienet ikkundizzjonata xejn, maħmuġa u mitluqa. “Jien lil dan il persuna ma nafux”, huwa saħaq fil-Qorti fejn kompla jgħid li kienu marru għandu l pulizija u ħadu l-karozza.

Grima qal li dan kien l-għada 6 ta’ Awwissu.   Tenna li kien hemm xi daqqiet oħra li ma qallux biex jirranġhom. Kellu jġiblu l-windscreen ukoll, iżda dan baqa ma wasalx. Dan kien mifqugħ kollu u armejtu” kompla jgħid ix-xhud.

Il-Pulizija ma tafx min kien qed isuq il-karozza li qatlet lil Degabriele

Xehed ukoll l-Ispettur Roderick Spiteri li qal li l-inċident seħħ fl-4 ta’ Awwissu fil-11.00 ta’ bil-lejl. Dan ħareġ mill-filmati li hemm fl-inħawi. Minnhom huwa raha żewġ karozzi li kienu qed isuqu b’veloċità eċċessiva, bl-ewwel waħda għaddiet riħ u t-tieni waħda li allegatament kienet qed tinstaq mill-akkużat laqtet lill-vittma. Mill-filmati għadu mhux ċar min kien qed isuq il-karozza li qatlet lill-vittma.

Tenna li l-vittma deher fil-filmat jogħla fl-arja u jdur iżda ma jidhirx jinżel fl-art għalkemm qal li possibbilment niżel fejn instab. Ix-xhud qal li l-impatt ma jidhirx fil-filmat li raha hu, iżda żgur li seħħ qabel it-‘traffic lights’ li jinsabu ftit metri ‘l bogħod. L-Ispettur Spiteri li qal li meta marru fuq il-post sabu persuna bla ħajja

Spiteri qal li mill-filmati għadhom ma kinux identifikati s-sewwieqa minkejja li għand il-Pulizija hemm diversi filmati u dan għax l-inċident seħħ bil-lejl. Qal li fil-5 ta’ Awwissu meta nstab il-katavru nstabu wkoll fdalijiet ta’ biċċiet tal-karozza Mazda Demio Silver. 

Ix-xhud kompla jgħid li l-akkużat kien arrestat fil-5 ta’ Awwissu tard filgħaxija u fl-istqarrija tal-pulizija għalkemm ma weġibx il-mistoqsijiet qal li jiddispjaċih għal dak li ġara. Fil-qorti xehed ukoll Surġent tal-pulizija li wasal mill-ewwel fuq il-post fejn qal li kienet daħlet informazzjoni għand il-pulizija ta’ persuna nieqsa li tagħha ra r-ritratt.

Qal li malli ra l-katavru wiċċu ‘l fuq u mimli tbenġil u dubbien, għarfu mill-ewwel u nduna li kien mejjet. Qal li ċempel għall-ambulanza u ngħalqet it-triq u bdiet l-inkjesta. Is-Surġent qal li huwa rċieva telefonata mill-112 li kienet tgħid kien hemm persuna mejta.

Meta marru sabu lill-vittma fil-ħamrija. “Ċempilt l-ambulanza biex jiġi t-tabib u wasal Dr. Ian Gauci.  Bdejt nipprova nara fil madwar u rajt parts tal-karozza tat tip Mazda”. Wara nħatru l-esperti l-Perit Richard Aquilina, it-tabib Mario Scerri, l-inġinier Jean Paul azzopardi , il-Patologu Ali Safraz u l-esperti David Pisani u Keith Cutajar Ix-xhud ikkonferma li nstab fil hamrija u mhux fuq il-bankina. Kien hemm ukoll mera ħdejh fl-għalqa.

Id-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb għamlu talba għall-pleġġ fejn l-Avukat Debono saħaq li għaddew ġimagħtejn minn mindu seħħ il-każ u l-akkużat għadu miżmum arrestat. Qal li dan huwa reat ta’ natura involuntarja u talab lill-qorti timponi diversi kundizzjonijiet.

Tkellem ukoll dwar il-fatt li ma giex stabillit speċifikament min kien qed isuq. Dwar dak li qalet il-prosekuzzjoni li kienu qed iġerru, staqda x’jiġifieri? “Speed eccessiv? Dik interpretazzjoni tiegħek, qal l-Avukat lill-Ispettur li tenna wkoll li fejn seħħ l-inċident ftit il-fuq hemm it-“traffic light”s. L impatt sar qabel il-“lights”.

Dik il persuna li kienet qed taqsam ma kinitx qed taqsam minn fuq il-“lights” u l-akkużat iddispjaċih għada dak li ġara. L-Avukat Debono staqsa wkoll x’kulur kienu l-“lights” u li l-klijent tiegħu wera dispjaċir għal dak li ġara. Il-prosekuzzjoni qalet li hemm iktar investigazzjonijiet fuq it-tieni karozza u għalhekk hemm il-biża tal-kontaminazzjoni tal-provi fosthom xhud ieħor pajżan li l-Pulizija għadha tfittex.

Bl-aħħar kelma tkun tad-difiża, l-Avukat Debono qal li x-xhieda pajżana li kien xehdu u li dan huwa reat ta natura involontarja. Tenna li din hija l-ewwel talba għall-pleġġ u talba li hemm bżonn li jinħoloq bilanċ u lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet li timponi l-Qorti.

Il-Maġistrat Ian farrugia qal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fosthom għad trid tinstab terza persuna li hija importanti fl-investigazzjonijiet. Kien għalhekk li l-qorti ċaħdet it-talba bl-akkużat jinżamm arrestat. Dean Frendo qed jiġi akkużat li kkawża l-mewt tal-vittma b’negliġenza jew nuqqas ta’ ħila, li saq il-vettura tiegħu b’mod traskurat, li naqas milli jieqaf fuq il-post wara li seħħ l-inċident u li pprova jeqred jew ibiddel it-traċċi tar-reat.

Għalkemm il-vittma nstab il-Ġimgħa filgħodu l-inċident seħħ ġurnata qabel, il-Ħamis 4 ta’ Awwissu fil-11.20pm. Ħareġ ukoll li l-liżenzja tal-akkużat hija skaduta u li l-karozza li kien qed isuq tat-tip Mazda Demio hija fuq ismu. Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għall-familja tal-vittma. Il-kumpilazzjoni tkompli x-xahar id-dieħel.

I