Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Monsinjur Philip Calleja

L-appostlu ta’ ħutna l-migranti. Hekk kien deskritt Monsinjur Philip Calleja hekk kif il-Ġimgħa waranofsinhar ingħata l-aħħar tislima fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta wara li iktar kmieni din il-ġimgħa tħabbret il-mewt tiegħu fl-età ta’ 93 sena.

Numru kbir ta’ saċerdoti flimkien mal-Arcisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi ħadu sehem fil-funzjoni li fakkret il-ħajja ta’ Philip Calleja fil-preżenza tal-qraba tiegħu kif ukoll ammont kbir ta’ persuni ohra li kienu prezenti. 

Fl-Omelija tiegħu l-Arċisqof Scicluna fakkar li sa minn età żgħira Philip Calleja kien diġa beda jgħin lill-proxxmu – persuna li kellu intelliġenza intelletwali u emottiva li biha, seta’ jifhem lill-bniedem.

L-Arċisqof qal li Monsinjur Calleja kien verament wieħed mill-aħwa ta’ ħutna l-migranti hekk kif kien jagħmel minn kollox biex l-istorja tal-migranti tkun waħda umana.

Monsinjur Philip Calleja kien Belti, u twieled fit-8 ta’ Diċembru tal-1928. Hu ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu tal-1953.

Monsinjur Calleja kien Arċidjaknu tal-Kapitlu Metropolitan u sal-aħħar baqa’ jattendi regolarment f’Dar l-Emigrant biex jaqdi lil dawk kollha li kienu jfittxu l-għajnuna tiegħu. Sakemm il-Covid kien ir-raġuni li wasslitu biex jaqta’ dan il-kuntatt man-nies.

Fl-2018 …Mons. Calleja ngħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament mid-Dar tal-Providenza għall-ħidma u l-appoġġ tiegħu lejn din l-istituzzjoni.