Lokali

AĠĠORNATA: Iwieġeb mhux ħati u jinżamm arrestat b’rabta mal-ġlieda fil-Ħamrun

Abdullah Sheikh Ahmad, Sirjan ta’ 30 sena li tressaq il-Qorti s-Sibt waranofsinhar b’rabta mal-ġlieda fil-Ħamrun li seħħet il-Ħamis li għadda fi Triq il-Kbira San Ġużepp, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi mressqa kontrih. Il-Qorti ordnat biex ir-raġel jinżamm arrestat.

Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo, il-prosekuzzjoni akkużat lil Ahmad li huwa residenti l-Mosta, li waqt l-argument weġġa’ gravi b’daqqa ta’ njama lil Ziyab Alahmad, Sirjan ta’ 37. Huwa darbu f’rasu.

Il-Qorti akkużatu wkoll li dakinhar tal-ġlieda kellu fuqu oġġett li jaqta’ u bil-ponta bla liċenzja jew permess mingħand il-Kummissarju, li kiser il-bon ordni, li hedded lin-nies bil-fomm u b’ġebel, li ħebb għal diversi persuni u ġie akkużat ukoll li m’obdiex l-ordnijiet li tawh il-Pulizija.

Fix-xhieda tiegħu l-allegat vittma qal li l-argument seħħ wara li ltaqa’ mal-impjegat tal-imputat fil-Ħamrun, viċin il-post fejn seħħ l-argument, fejn prova jkellmu bil-kelma t-tajba wara li ra filmati tal-aggressur ħiereġ minn daru b’xi flus.

Alahmad qal li meta kien qed jistenna li jiltaqa’ ma’ Ahmad, ra quddiemu vann, u minnu ħarġu għadd ta’ rġiel li ħebbew għalih u għal kuġinuh. Alahmad qal li l-aggressur kellu mus f’idu wkoll.

Wara li semgħat aktar xhieda il-Qorti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Ahmad.

Il-kawża ġiet differita għat-2 ta’ Settembru li ġej.

Intant fi stqarrija l-pulizija qalet li l-Ħadd mistenni li jitressaq Sirjan ieħor li għandu 35 sena u huwa residenti l-Marsa. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti, akkużat li darab b’mod ħafif Sirjan ta’ 23 sena b’arma li taqta’ u bil-ponta.

Il-Pulizija qalu li ġew identifikati 11-il persuna oħra li kienu involuti fl-istess każ u se jitressqu l-Qorti b’ċitazzjoni fil-jiem li ġejjin. Il-11-il persuna se jkunu akkużati bi ksur tal-paċi pubblika u li ma obdewx ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.