Lokali Qorti

Albaniż mixli li qatel anzjana u n-neputi tagħha u wara tahom in-nar

Albaniż ta’ 36 sena residenti Wied il-Għajn inżamm arrestat mill-Maġistrat Noel Bartolo wara li ġie mixli bi qtil doppju u każ ta’ ħruq meta lill-vittmi tahom in-nar. Ledjon Brakaj ġie arrestat il-Ġimgħa mill-Pulizija Maltija mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali permezz ta’ mandat t’arrest Ewropew maħruġ fuq talba tal-awtoritajiet tal-Greċja.

Fil-Qorti l-prosekuzzjoni qalet li fil-Greċja l-Albaniż daħal jisraq lil anzjana u lin-neputi tagħha, u li wara li feriehom b’daqqiet ta’ ponn u spiċċa biex qatilhom. Minn informazzjoni maħruġa mill-Pulizija Griega, allegatament huwa dawwar xi ħwejjeġ magħhom u tahom in-nar imbagħad seraq b’€780,000 f’oġġetti ta’ valur u flus kontanti.

Il-prosekuturi Kurt Ryan Farrugia u Robinson Mifsud infurmaw lill-Qorti li l-imputat inqabad wara li l-marki tas-swaba’ li ttiħdulu qablu ma’ dawk mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi. L-Avukat Franco Debono li deher għal Albaniż qal li din il-prova ma ġietx ippreżentata quddiem il-Qorti u li għaldaqstant hija ma tistax toqgħod fuq dawn l-allegati provi.

Id-difiża qalet ukoll li fid-dokumenti esebiti mill-prosekuzzjoni l-ismijiet ma jaqblux kollha ma’ dak tal-imputat. Għalhekk dan iqajjem dubju dwar l-identità tal-persuna. L-Avukat Franco Debono, qal li f’dan l-istadju, ma kienx qed jitlob li l-klijent tiegħu jingħata l-libertà provviżorja.

Fil-Qorti l-akkużat baqa’ sieket għall-mistoqsijiet kollha li sarulu u issa l-pass li jmiss huwa li jinstemgħu l-provi tal-każ biex jibdew proċeduri ta’ estradizzjoni lura lejn il-Greċja. Il-provi għandhom jibdew jinstemgħu nhar it-Tlieta li ġejjin.